Il-PN iħabbar il-programm għall-festi tal-Indipendenza

Clyde Puli spjega li soċjetà li jimpurtaha hija l-viżjoni li l-Partit Nazzjonalista jrid għal Malta tal-futur.

Il-Konferenza tal-aħbarijiet illi fiha tħabbru d-dettalji
Il-Konferenza tal-aħbarijiet illi fiha tħabbru d-dettalji

Soċjetà li jimpurtaha hija t-tema tal-festi tal-Indipendenza li se jiġu ċċelebrati fuq il-Fosos tal-Floriana bejn il-15 u l-20 ta' Settembru li ġej fl-okkażjoni tal-54 anniversarju mill-kisba tal-Indipendenza. Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli qal li l-Partit Nazzjonalista jrid soċjetà li jimpurtaha u li tkun mibnija fuq ħames pilastri, l-ħarsien tal-ħajja, l-għajxien diċenti għal kulħadd, l-wens għal dawk f'qagħdiet dgħajfin, il-kwalità tal-ħajja u l-identità tagħna bħala Maltin u Għawdxin. 

Clyde Puli spjega li soċjetà li jimpurtaha hija l-viżjoni li l-Partit Nazzjonalista jrid għal Malta tal-futur. Dan fejn is-soċjetà tagħna trid tkun soċjetà li jimpurtaha minn dak li jagħmilna bnedmin, kif jitqassam il-ġid li jinħoloq fejn kulħadd ikollu għajxien diċenti. Fl-istess waqt soċjetà li jimpurtaha hi soċjetà li tagħder u li tagħti opportunitajiet speċjalment dawk li jaffaċjaw diffikultajiet u problemi. Huwa spjega kif soċjetà li jimpurtaha tinkludi wkoll l-kwalità tal-ħajja u l-ambjent fejn ikollna pajjiż sabiħ u nadif filwaqt li nħarsu u nirrispettaw l-identità li tagħmilna nazzjon indipendenti. 

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Ġenerali Clyde Puli ta wkoll id-dettalji tal-programm tal-festi, li huma miftuħin għaż-żgħażagħ u l-familji kollha. Matul din l-edizzjoni tal-festi tal-Indipendenza se jkun hemm programm varjat ta' divertiment fosthom it-tribute bands ta' Coldplay u Queen. Dawn it-tribute bands Killer Queen u Live Play se jkunu qed idoqqu fuq il-Fosos is-Sibt 15 ta' Settembru u l-Ħadd 16 ta' Settembru rispettivament. Il-programm mużikali se jinkludi wkoll lil Mark Spiteri Lucas Band u D Capitals. 

Matul il-festi tal-Indipendenza se jittella' wkoll il-Konkors Kanzunetta Indipendenza kif ukoll il-Konkors Kanzunetta Indipendenza Junior, l-edizzjoni taż-żgħar ta' dan il-konkors. Attivitajiet oħra għaż-żgħażagħ jinkludu Teen Party ma' DJ Nate VF. Il-Fosos se jospitaw ukoll numru kbir ta' attivitajiet sportivi mtella' minn TIMSport PN li jinkludu fost l-oħrajn mixja u ġirja li se ssir fis-16 ta' Settembru, kif ukoll dixxiplini sportivi bħalma huma l-futbol, waterpolo, baskitbol, cycling, sparar fuq il-plattini, judo u table tennis fost ħafna oħrajn. 

Fl-10 ta' Settembru fid-Dar Ċentrali se tittella' wirja tal-arti dwar l-artist u skultur Gabriel Caruana b'apprezzament mill-Professur Richard England. Se ssir ukoll diskussjoni organizzata mill-APAN flimkien mal-Professur Henry Frendo. Id-diskussjonijiet politiċi se jittellgħu kuljum inkluż il-Ħadd 16 ta' Settembru f'għeluq l-ewwel sena ta' Adrian Delia bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista. Il-qofol tal-attivitajiet imbagħad ikun il-messaġġ ewlieni tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt il-mass meeting fuq il-Fosos tal-Floriana l-Ħamis 20 ta' Settembru. Il-Ġimgħa 21 ta' Settembru se jsir riċeviment fi Ġnien l-Indipendenza f'Tas-Sliema għall-attivisti, organizzat mill-Forum SMEPN u l-ġimgħa ta' wara se jsir riċeviment ieħor f'Għawdex għall-attivisti Għawdxin.  

Matul din il-konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Ġenerali Clyde Puli kien akkumpanjat mill-President tal-Kunsill Amministrattiv David Stellini u l-Kordinatur Politiku Jean Pierre Debono. 

 

 

More in Politika