Tielgħa muntanja ta’ terrapien fid-Dwejra
20 sena wara infurzar u 18-il sena wara applikazzjoni ta’ sanzjonar... ‘tikber’ muntanja ta’ terrapien f’waħda mill-isbaħ żoni f’Malta...
minn Albert Gauci Cunningham
Ritratti li ntbagħtu lil din il-gazzetta juru kif fiż-żona tad-Dwejra hemm muntanja terrapien, tielgħa dejjem aktar, li qed tkerrah post illi fih imorru eluf ta’ turisti u anke Maltin kull sena.
Qarrej ta’ din il-gazzetta bagħat dan ir-ritratt u sostna illi din il-muntanja żgħira, imma li qed tikber, ta’ skart mill-kostruzzjoni hija “verament għarukaża f’post tant pittoresk u li jżuruh ħafna turisti. Dan it-trab ilu tiela’ fl-aħħar snin u ħadd ma jgħid xejn.”
L-istorja tal-barriera...
Din il-gazzetta tat ħarsa lejn is-sit tal-Awtorità tal-Ippjanar (PA), li juri illi din il-muntanja terrapien hija parti minn barriera, minn erbgħa li hemm fiż-żona, li sa issa hija mingħajr permess. Fil-fatt fl-1998 l-Awtorità tal-Ippjanar ħarġet ordni ta’ infurzar minħabba li sid il-barriera estenda l-iżvilupp mingħajr permess. Dan ifisser illi 20 sena wara, din il-barriera li baqgħet tikber u li llum tinkludi parti kbira ta’ din il-muntanja żgħira ta’ terrapien għadha mhux legali. L-applikazzjoni tgħid li dan il-każ għadu quddiem l-Uffiċjal tal-PA għall-infurzar.
Minkejja dan, sentejn wara, fis-sena 2000, saret applikazzjoni biex tkun sanzjonata l-barriera. 18-il sena wara din l-applikazzjoni għadha tinsab quddiem l-Uffiċjal tal-Awtorità (Case Officer), li qed jevalwa l-każ skont l-politika tal-Pjan Strateġiku tal-Ambjent u l-Iżvilupp (SPED).
Imma dak mhux biss. Is-sit tal-PA juri illi fl-2012 dawn iż-żewġ għelieqi wara ċimiterju, kienu għadhom għelieqi mhux mittiefsa jew mhux mittiefsa wisq, biex f’temp ta’ erba’ snin saru l-muntanja ta’ trab li qed naraw fir-ritratt. Ir-ritratt juri wkoll li t-terrapien mexa għat-tielet għalqa, li fuqha la hemm infurzar u li sa iktar kmieni din il-ġimgħa ma kien jidher anqas li kien hemm applikazzjoni biex fuqha jintefa’ t-terrapien. Dan ifisser illi dawn ir-ritratti jindikaw li b’theddida ta’ infurzar u b’applikazzjoni ta’ sanzjonar li ilha tistenna 18-il sena, iż-żona kollha li tkopri din il-barriera baqgħet tikber bir-riżultat ikun il-muntanja żgħira li qed naraw illum.
‘Id-Dwejra Action Committe lanqas biss wieġeb’
Din il-gazzetta tinsab infurmata illi din il-kwistjoni wasslet għal reazzjoni mill-Kunsill Lokali Għawdxi ta’ San Lawrenz li għamel kuntatt mad-Dwejra Action Plan sitt xhur ilu. Iżda mid-9 ta’ Marzu dawn qatt ma wieġbu lura.
Dubju dwar jekk għadux jeżisti l-Kumitat tad-Dwejra...
Din il-gazzetta ċemplet lil Timmy Gambin u mingħajr ma kellna ċans nistaqsu l-mistoqsija ċċara illi hu m’għadux imexxi d-Dwejra Action Plan. Hu ma xtaqx jagħti informazzjoni anqas dwar min ħa l-post ta’ chairman.
Sussegwentement l-ILLUM staqsiet Kelliem għall-Ministeru tal-Ambjent min qed imexxi dan il-kumitat, ladarba Gambin m’għadux Chairman. Ir-risposta iżda ma waslitx.
Ninsabu informati illi l-Kunsill ta’ San Lawrenz bagħat diversi emails jistaqsi x’sar minnu l-Kumitat, imma baqa’ bla risposti wkoll.
Din il-gazzetta staqsiet lill-Ministeru ta’ Għawdex jekk hux infurmat dwar din il-‘muntanja trab’ f’żona li hija daqstant popolari mat-turisti, anke jekk fil-fatt hemm numru ta’ barrieri. Il-Ministeru iżda qal lil din il-gazzetta biex nitkellmu mal-Awtorità tal-Ippjanar.
Minkejja l-isbuħija u l-importanza ekoloġika u ekonomika taż-żona din hija mimlija barrieri, b’diversi azzjoni ta’ infurzar mill-Awtorità tal-Ippjanar, fosthom minħabba tfigħ illegali ta’ terrapien. Uħud minn dawn il-każi ġew solvuti filwaqt li oħrajn għandhom pendenti.
Biss, biss taħt din l-istess barriera, hemm żona illi fuqha wkoll hemm infurzar kontra l-istess sid. Dan l-infurzar, li ħareġ fl-2000, huwa kontra dak li l-PA stess tgħid illi huwa żvilupp mingħajr permessi li jikkonsisti fi tfigħ ta’ radam u bdil tal-użu tal-art għal ‘dumping site’.
Dan it-terrapien u skart tal-kostruzzjoni qed jinġabar fuq is-sit fejn kienet proposta li ssir lukanda, liema proposta sabet l-oppożizzjoni ta’ bosta l-aktar tal-Partit Demokratiku. Is-sit newsbook.com.mt li żvela din il-proposta, qal ukoll illi huwa probabli li l-Gvern ma jilqax din il-proposta.