Restawr fuq il-monument tal-Assedju...il-fjuri u xemgħat se jkollhom jitilqu

...restawr fuq in-naħa ta' isfel tal-monument, fiċ-ċentru tal-kontroversja minħabba fjuri u xemgħat li jfakkru lil Daphne Caruana Galizia

Il-monument se jkun irrestawrat
Il-monument se jkun irrestawrat

Il-Ministru Owen Bonnici għadu kemm ħabbar, permezz tal-paġna tiegħu ta' Facebook, illi se jibda restawr fuq in-naħa ta' isfel tal-monument tal-Assedju l-Kbir li jinsab quddiem il-Qorti. Dan il-monument kien f'nofs kontroversja minħabba li minn Ottubru tas-sena l-oħra kien sar post fejn  jitħallew fjuri u xemgħat kif ukoll ritratti li jfakkru lil Daphne Caruana Galizia. 

Intant il-grupp Occupy Justice, qabel ma ħabbar ir-restawr il-Ministru, aċċertaw illi kull darba li l-awtoritajiet jneħħu l-fjuri, xemgħat u ritratti se jpoġġuhom lura, sakemm issir il-ġustizzja. 

Dak li kiteb il-Ministru Owen Bonnici
Dak li kiteb il-Ministru Owen Bonnici

Fil-fatt ħafna mill-protesti kif ukoll mixjiet li saru biex ifakkru l-ħajja u x-xogħol ta' Caruana Galizia laħqu l-qofol quddiem dan il-monument. Dan minħabba li jiġi quddiem il-Qorti, minn fejn mijiet ta' nies esiġu li għandha ssir ġustizzja għal Daphne Caruana Galizia, li nqatlet f'karozza bomba nhar is-16 ta' Ottubru 2017. Naturalment, ħafna nies oħrajn ma qablu xejn mt-tqegħid ta' fjuri u saħansitra kienet saret mozzjoni mill-Kunsillier Laburista tal-Belt Valletta Ray Azzopardi biex dawn ix-xemgħat, fjuri u ritratti jitneħħew. L-argument kien u baqa' illi dan huwa monument nazzjonali ta' għaqda u ma kienx ideoneu li jsir post fejn titfakkar persuna illi ħafna kienu u għadhom jarawha bħala diviżiva. 

Dak li kitbu tal-Occupy Justice ftit qabel tħabbar ir-restawr...
Dak li kitbu tal-Occupy Justice ftit qabel tħabbar ir-restawr...

More in Politika