Analiżi | Il-ġudizzju ta’ Mejju li ma jridx... imma li se jasal

Joseph Muscat se jagħmel il-25 ta’ Mejju (l-aħħar?) ġudizzju dwaru u l-Gvern li jmexxi. Delia se jkollu jaċċetta l-isfida... u għaliex qed jista’ jkun li se jidħol fi sqaq bl-immigrazzjoni?

Sena ilu l-Fosos tal-Furjana kienu mimljin attività, hekk kif matul il-ġurnata t-tesserati tal-Partit Nazzjonalista kienu qed jivvutaw lil min iridu bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista; Chris Said jew Adrian Delia? U r-riżultat kien Adrian Delia, b’distakk li minflok offra soljev, iktar kebbes in-nar. U se nibdew minn hawn, għax ma nistgħux nanalizzaw l-ewwel sena ta’ Delia jekk ma nifhmux sew ir-riperkussjonijiet tar-riżultat tas-16 ta’ Settembru 2017. L-għerq ta’ ħafna mill-għawġ li sab ma’ wiċċu Delia f’dawn l-ewwel 12-il xahar.

Tiġrija qarsa trid tħalli riżultat definittiv....

It-tiġrija fil-Partit Nazzjonalista kienet waħda qarsa ħafna, b’Adrian Delia saħansitra jintalab iċedi mit-tiġrija fid-dawl ta’ akkużi ta’ kontijiet f’Jersey u flus li ġejjin minn appartamenti f’Soho illi l-allegazzjoni kienet tgħid li fihom kienet issir il-prostituzzjoni.

Il-kuntest kien taħt id-dell tar-raba’ telfa elettorali, nazzjonali għall-Partit Nazzjonalista b’distakk ta’ aktar minn 33,000 vot minn taħt. Il-kuntest kien wara telfa li kienet moralment l-akbar tisbita li ħa l-Partit Nazzjonalista għaliex l-aspettativa kienet li fil-fatt id-distakk se jonqos, l-aktar minħabba allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni u stejjer dwar tliet kumpaniji rreġistrati l-Panama (Tillgate, Hearneville u Egrant).

Fid-dawl ta’ dan kollu saret elezzjoni għal kap ġdid tal-Partit Nazzjonalista. Elezzjoni li kienet mmarkata b’akkużi u allegazzjonijiet mill-aktar serji kontra Delia, minn Daphne Caruana Galizia li kif l-esperjenza qed turina hija iktar minn sempliċiment ‘biċċa blogger’ u għandha kważi kwart tal-Partit Nazzjonalista, jekk hux attivisti, uffiċjali jew saħansitra l-aktar nies b’saħħithom fil-partit, li jippeferu jemmnu lilha milli lil Delia.

L-antipatija u l-allegazzjonijiet serji, kif ukoll l-assasinju tal-karattru laħqu l-qofol f’dak il-lejl meta l-Amminstrattiv tal-PN talab lil Delia biex ma jibqax fit-tiġrija, bl-eks Kap tal-PN jgħid illi kieku hu kien jisspospendi lilu nnifsu, sinjal ċar li Busuttil ma kienx qed jappoġġja lil Delia. Minn hemmhekk kien ċar illi diversi persuni fil-partit kienu lesti joħorġu għonqhom biex iqaċċtu lil Delia ’l barra, minn hemmhekk bdew il-messaġġi sottili jew inkella bl-aktar mod ċar kontra Delia, fosthom minn nies li saħansitra qalu li huwa żiemel tat-Trojja ta’ Joseph Muscat, biex ikisser lill-PN.

Il-ġlieda kienet qarsa, qalila, personali u anke klassista u kienet imbutatta l-aktar minn Daphne Caruana Galizia, probabilment b’xi ħadd ħafna ikbar minn Caruana Galizia jiddisinja pjan għal disfatta. Kienet sa ċertu punt kampanja simili għal dik kontra Muscat u l-Partit Laburista u li kienet ukoll tiċċentra ma’ kontijiet barra mill-pajjiż.

U għax kienet kampanja mibnija fuq l-istess strateġija, kellha bżonn l-istess risposta. Muscat rebaħ b’maġġoranza ta’ kważi 40,000 vot jekk mal-voti tal-PN ma tgħoddx dawk li kiseb il-Partit Demokratiku. Dan ir-riżultat m’għamilx dak li kien jew seta’ kien ħażin, tajjeb. Imma ċertament kien riżultat elettorali qawwi biżżejjed biex imewwet il-kritika u jisfratta l-oppożizzjoni.

Bħal-lum sena Delia ma ġabx dak ir-riżultat li kien kbir biżżejjed biex ‘jixkupa’ l-oppożizzjoni lejh kif fil-fatt ħafna stennew li se jagħmel. Hu kien elett b’52.7% tal-vot, jew 7,734 vot. Dan poġġieh b’800 vot minn fuq Chris Said minn total ta’ 14,742 vot.

Min jiftakar jew min kien fuq il-Fosos jistenna r-riżultat jaf li għal perjodu ta’ ħin waqt l-għadd tal-voti ma kienx ċar min se jkun elett u li r-riżultat kien se jkun qrib. F’dan il-ħin (jien kont fuq il-Fosos qed indur u nisma’ lin-nies jitkellmu waqt l-għadd) bdew jinstemgħu l-‘Allaħares qatt...’ jew ‘inqatta’ t-tessera..’ ‘Imma kif qegħdin? Kif qegħdin? Madonna, allaħares...’. Għalhekk fid-dawl ta’ din ir-rebħa ta’ ftit inqas minn 53% ma kinitx biżejjed biex ‘traqqad’ jew ‘tilloppja’ l-oppożizzjoni lejn Delia, anzi fil-psike ta’ ħafna minn dawk li ma ridux u għadhom ma jridux lil Delia dan ir-riżultat ħalla l-bieb imbexxaq!

Id-distakk ta’ Delia minn Said, kien kbir, imma mhux biżżejjed biex ikisser oppożizzjoni interna
Id-distakk ta’ Delia minn Said, kien kbir, imma mhux biżżejjed biex ikisser oppożizzjoni interna

L-ewwel ġudizzju...kif irrisponda lill-ILLUM

Il-ġimgħa l-oħra din il-gazzetta intervistat lil Adrian Delia f’għeluq is-sena minn meta kien elett Kap tal-PN, li jaħbat illum. Huwa insista li l-elezzjoni tas-sena d-dieħla mhix qed jikkunsidraha bħala “xi ħaġa ta’ barra minn din id-dinja jew xi ġudizzju kbir fuqi jew fuq il-Partit Nazzjonalista.”

Imma dan minnu? B’dak li stqarr ma’ din il-gazzetta huwa pjuttost ċar illi strateġikament Delia jista’ jkun li qed jipprepara lilu nnifsu għal kull eventwalità. Jekk inaqqas id-distakk, tajjeb. Jekk le, jista’ jgħid li mhux ġudizzju fuqu.

Imma Delia ma jeżistix f’bozza.

Fl-2019 il-Partit Laburista se jkun qed jilgħab karta importanti; ‘Din hija l-aħħar elezzjoni ta’ Joseph Muscat, ejja nivvotaw ħalli ntuh l-aħħar u l-aqwa riżultat.’ Din hija karta li tista’ taħdem tajjeb ħafna ma’ Laburisti jew switchers diżillużi li mbagħad jiddeċiedu li jħallu l-vot tal-protesta għal wara, meta Muscat ma jibqax hemm u allura l-affinità lejn il-Moviment tal-Progressivi tonqos.

Dan ifisser illi, bla dubju ta’ xejn Muscat se jitfa’ lilu nnifsu fuq quddiem u aktar minn kollox, għall-Partit Laburista, din se tkun elezzjoni li se tgħaddi ġudizzju fuqu, imma l-aktar fuq il-mexxej tiegħu.

Anke jekk ma jridx, din id-deċiżjoni se tagħmel differenza kbira għall-għażliet ta’ Delia. Jista’ jkun li mingħajr ma jrid u mhux b’għażla tiegħu jkollu jidħol fl-arena u jiffaċċja lil Muscat, elettoralment, għall-ewwel darba.

Dan apparti x’qed jgħidu numru ta’ Nazzjonalisti, li fil-fatt qed jaraw riżultat ħażin fl-elezzjoni tal-MEPs, bħala ċans biex jitneħħa Delia.

Bħalissa s-sondaġġi tal-kamra tal-aħbarijiet tagħna qed juru illi fost id-deċiżi d-distakk huwa ta’ madwar 90,000 vot. Jekk dak id-distakk ikun imqar nofs dak li qed juru s-sondaġġi (45,000) jew 5,000 iktar mill-2017, irid jew ma jridx se tirrifletti ħażin ħafna fuq il-PN u t-tmexxija tiegħu.

Għalkemm mhux assolut u finali, il-25 ta’ Mejju 2019 se jkun ġudizzju kbir għal Adrian Delia.

Muscat se jagħmel l-elezzjoni tal-MEPs ġudizzju fuqu...
Muscat se jagħmel l-elezzjoni tal-MEPs ġudizzju fuqu...

Kif tratta kwistjonijiet diversi?

  • L-immigrazzjoni u l-identità – L-akbar differenza li s’issa jidher li għamel Delia f’termini ta’ ‘policy’ hija fuq l-immigrazzjoni. Il-Ħadd li għadda għamel iktar ċar dak li jrid, avolja li jrid mhux ċar. Pereżempju, qal li pajjiżna m’għandux isir bħal ‘ċatra’ illi sservi biex persuni jiġu u jitiqlu wara xi żmien, imma sostna li kull min jiġi pajjiżna għandu jkollu rabta u xewqa li jgħix hawn. Imma fir-realtà din xi tfisser? Kif se tikkontrolla x’jagħmlu nies li ġew hawn b’mod legali? L-istess meta Delia, il-Ħadd, sostna illi għandna nħarsu l-ħajja tan-nies u naraw li ħadd mill-immigranti mill-Afrika ma jitlef ħajtu u jkun trattat b’dinjità. Imma mbagħad eżatt wara, Delia qal li aħna bħala Maltin irridu nissalvagwardjaw l-identità tagħna.

Id-diskors ta’ Delia mhux neċessarjament se jissarraf f’suċċess elettorali, apparti li huwa ibbażat fuq ġudizzju ħażin ħafna tas-soċjetà Maltija għax l-ewwel nett il-ġudizzju huwa bbażat fuq viżjoni ta’ soċjetà omoġenja li tiġġudika lill-Malti biss bħala abjad, kattoliku, konservattiv u li jikkonforma mal-valuri kif jarahom Delia. Dan ifisser li hawnhekk Delia qed jbiegħed mill-PN dawk kollha li ma jridux lil Muscat, imma huma liberali, ta’ oriġini Afrikana, ateji jew li ma jikkonformawx man-norma. It-tieni, il-ġudizzju huwa li ma jeżistux Maltin bojod, kattoliċi u konservsttivi li huma ħbieb, kollegi, qraba jew miżżewġin ma’persuni suwed, liberali u/jew li ma jikkonformawx mal-valuri tal-maġġoranza. Lil dawn Delia wkoll qed ibegħedhom mill-PN. Barra minn dan Delia taħt il-‘kappa’ ta’ “Inslavaw il-valuri u l-fidi” tiegħu qed jiġbor lil dawk kollha li jaraw illi f’għoti ta’ drittijiet lil persuni LGBTIQ, l-emendi fil-liġi tal-IVF u d-dikriminalizzazzjoni tad-drogi, theddida għall-“valuri” tas-soċjetà Maltija. Issa Delia diġà żvela ma’ din il-gazzetta li ma jrid ibiddel xejn mid-drittijiet li ngħataw lil persuni LGBTIQ. Imma wieħed irid jara l-aspettattiva ta’ dawk li se jivvutawlu minħabba din l-għajta għall-“ġlieda tal-fidi”, kif sejħilha hu. Tista’ tinħoloq aspettattiva li ċertu dirritijiet u/jew miżuri speċjalment mogħtija lil persuni LGBTIQ jitreġġgħu lura.

Ġrat? Iva diġà ġrat għall-ewwel darba iktar kmieni din s-sena, f’Bermuda fejn sena biss wara li ddaħħal iż-żwieġ ta’ persuni tal-istess sess, dan tneħħa.

U finalment jekk se jikkontesta Noman Lowell fl-elezzjoni tal-MEPs, min hu kontra l-Afrikani, min jarahom theddida lejn l-identità tagħna u theddida ta’ sigurtà u min ma jridhomx jidħlu pajjiżna anke jekk ifisser li jmutu se jivvotaw lilu, mhux lil Delia.

L-immigrazzjoni; Delia qed jjiġġudika s-soċjetà Maltija tal-lum b’mod ħażin ħafna
L-immigrazzjoni; Delia qed jjiġġudika s-soċjetà Maltija tal-lum b’mod ħażin ħafna

Minkejja dan jeżisti settur ta’ Nazzjonalisti konservattivi, anke jekk ma nafux il-kwantità, li ma baqax jivvota lill-PN għax ħass li l-PN m’għamel xejn fil-konfront ta’ liġijiet ġodda li ddaħħlu mill-Partit Laburista fil-qasam tad-drittijiet ċivili. Jista’ jkun li Delia qed jara li dawn il-votanti jistgħu jpattu għal dawk li tilef jew se jitlef fuq il-kwistjonijiet ta’ immigrazzjoni u identità.

 

  • Traffiku – It-traffiku huwa wieħed mill-akbar probemi li jiffaċċjaw ħafna nies f’pajjiżna. Simon Busuttil kien ippropona sistema ta’ trasport taħt u fuq l-art, proposta li Delia ftit li xejn tkellem dwarha. Il-votant mhux se jivvota lil Delia sempliċiment għax hemm problema ta’ traffiku. Problema tat-traffiku tista’ tissolva biss b’viżjoni u miżuri li jistgħu jaffetwaw il-bwiet tan-nies. Delia se jkollu jkun aktar avventuruż u jibda jaħseb għal soluzzjonijiet u proposti inovattivi f’dan il-qasam, biex jibda jitwemmen.
  • Korruzzjoni – Fuq il-korruzzjoni Delia għadu ma jistax ikun iġġudikat, għax m’hemmx fuqiex. Jidher ċar iżda illi f’din is-sena l-Partit Nazzjonalista ma baqax iffukat esklussivament fuq din il-materja, iżda qed jitkellem fuq kwistjonijiet oħrajn. Din id-deċiżjoni hija kemm tajba u kemm ħażina. Tajba għaliex ir-riżultat elettorali tal-istrateġija mħaddma qabel l-elezzjoni kien wieħed diżastruż u tajba wkoll għax ifisser li l-PN issa huwa ħafna iktar preżenti fuq kwistjonijiet li jolqtu lil ħafna mill-poplu, bħall-għoli tal-ħajja, il-kirjiet u s-sigurtà.

Ħażin iżda, għaliex fin-nuqqas tal-korruzzjoni m’hemm ebda kwistjoni li qed isservi ta’ kolla biex twaħħal u twaħħad lin-Nazzjonalisti flimkien fi ġlieda lejn għan wieħed. Fin-nuqqas ta’ dan Delia se jkollu jipprova jirbaħ interessi aktar settorjali (LGBTIQ, kaċċaturi u nassaba, tal-festi, negozji kbar...) li diġà qed jinqdew tajjeb jew waslu biex mill-Gvern preżenti fuq materji strettament settorjali.

  • Kwistjonijiet soċjali – Bħal Busuttil qablu, Delia qed jagħfas u jitkellem ħafna fuq kwistjonijiet soċjali (kirjiet, għoli tal-ħajja...). Bid-differenza u vantaġġ li huwa aktar ‘dħuli’ u jaf jikkomunika ma’ strati differenti ta’ nies ħafna iktar minn Simon Busuttil.

Imma għal darb’oħra ħafna nies mhux se jbiddlu Gvern għax għolew il-pastizzi jew il-ħobż tal-Malti, speċjalment jekk dak l-istess gvern qed jibagħtilhom ċekk id-dar kull sena. Mhux se jbiddlu l-gvern lanqas għax il-Kap tal-Oppożizzjoni ‘dħuli’ jew ‘għax jaf imur man-nies’, dak bonus.

Jekk sal-elezzjoni li ġejja l-Gvern se jkun laħaq spiċċa x-xogħol u qassam numru ta’ postijiet tal-Gvern, b’magna qed taħdem il-ħin kollu biex ‘taqdi lin-nies’ se jkun diffiċli li Delia jkollu saħħa ta’ voti hawnhekk.

  • Ambjent – L-ambjent huwa wieħed mill-aktar setturi fejn dan il-Gvern mhux qed jaqla’ tifħir, ħalliha li waqqa’ Power Station u ċ-ċumnija ta’ Delimara. Minkejja dan dawk li huma urtati bil-bini li għaddej f’ħafna postijiet mhux li qed jaraw xi tama partikolari f’Delia. Huwa mifhum illi Delia nnifsu għandu konnessjonijiet tajbin ma’ kuntratturi u persuni involuti fil-bini, kkonfermata mill-fatt illi fost l-ewwel nies li mar jiltaqa’ miegħu wara li kien elett kap kien iċ-Ċaqnu.

S’hemmhekk xejn ħażin. Huwa tajjeb li xi ħadd li qed jaspira li jkun Prim Ministru jiltaqa’ mal-iżviluppaturi. Il-mistoqsija hija, dawn x’inċentiv għandhom jivvutaw PN meta Muscat qed itihom kwazi dak kollu li jridu u meta qatt daqs illum dawk li jirrappreżentawhom ma kienu viċin il-poter?

Min-naħa l-oħra l-Partit Demokratiku qed ikun ħafna iktar voċiferu fuq l-ambjent, mill-PN

More in Politika