Il-Parlament Ewropew jipproponi li jitnaqqsu l-emmissjonijiet mill-karozzi b'40%

'Il-kisba tal-appoġġ tal-Parlament Ewropew għal mira ta' tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 b'40% sal-2030 ma kienitx faċli' - MEP Miriam Dalli 

L-emissjonijiet tas-CO2 mill-karozzi l-ġodda jridu jinqatgħu b’40% sal-2030 u s-sehem tal-karozzi elettriċi u b’emissjonijiet baxxi jogħla, qalu l-MEPs l-Erbgħa.

Fl-abbozz ta’ liġi li ġiet ivvutata llum, l-MEPs ipproponew mira ogħla ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet mill-karozzi l-ġodda sal-2030 ta’ 40% (il-Kummissjoni pproponiet 30% sal-2021), b’mira intermedjarji ta’ 20% sal-2025. Miri simili huma stabbiliti għall-vannijiet.

Il-kumpanniji li jibnu l-karozzi li jkollhom medja ta’ emissjonijiet ta’ CO2 ogħla minn dawn il-miri jkollhom iħallsu multa lill-baġit tal-UE, u l-flus miġbura jintużaw biex jitħarrġu l-ħaddiema affettwati mill-bidliet fis-settur tal-vetturi, l-MEPs jgħidu.

Il-kumpanniji għandhom ukoll jiżguraw li l-vetturi b’emissjonijiet żero jew inqas minn 50g CO2/km (ZLEVs) jirrappreżentaw mill-inqas 35% tal-karozzi u vannijiet mibjugħa sal-2030, u 20% sal-2025.

Wara l-vot, ir-relatur Miriam Dalli (S&D, MT) qalet, "Il-kisba tal-appoġġ tal-Parlament Ewropew għal mira ta' tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 b'40% sal-2030 ma kienitx faċli.  Kien importanti wkoll li tiġi stabbilita mira ta' tnaqqis tal-emissjonijiet ta' 20% sal-2025. Din il-leġiżlazzjoni qed tfassal ukoll l-inċentivi ġusti għall-produtturi, tħeġġeġ l-investiment fl-infrastruttura, u tipproponi tranżizzjoni ġusta għall-ħaddiema."

Test tal-emissjonijiet f’kundizzjonijiet reali sal-2023

Il-Parlament jitlob lill-Kummissjoni biex tippreżenta, fi żmien sentejn, pjanijiet għal test tas-CO2 f’kundizzjonijiet reali permezz ta’ apparat mobbli, simili għal dak introdott reċentement għan-NOx. It-test tal-emissjonijiet f’kundizzjonijiet reali jrid ikun qed jintuża mill-2023, jgħidu l-MEPs. Sal-2023, l-emissjonijiet tas-CO2 iridu jitkejlu abbażi ta’ data mill-meters li jkejlu l-konsum tal-fjuwil.

L-impatt soċjali tad-dekarbonizzazzjoni

L-MEPs jirrikonoxxu li tranżizzjoni soċjalment aċċettabbli u ġusta lejn mobbilità b’żero emissjonijiet teħtieġ bidliet fl-oqsma kollha tal-katina ta’ produzzjoni tal-vetturi, bil-possibbiltà li jkun hemm xi impatti soċjali negattivi. Għalhekk l-UE għandha tħeġġeġ l-iżvilupp tal-ħiliet u r-rilokazzjoni tal-ħaddiema fis-settur, partikolarment fir-reġjuni u l-komunitajiet l-aktar affettwati mit-tranżizzjoni. L-MEPs appellaw ukoll biex is-settur Ewropew tal-produzzjoni tal-batteriji jiġi appoġġat.

Tikkettjar u Emissjonijiet taċ-ċiklu tal-ħajja

Sal-aħħar tal-2019, il-Kummissjoni tal-UE ser ikollha tipproponi leġiżlazzjoni biex il-konsumaturi jkollhom informazzjoni preċiża u komparabbli dwar il-konsum tal-fjuwil, is-CO2 u l-emissjonijiet li jħammġu tal-karozzi l-ġodda.

Mill-2025, il-produtturi tal-karozzi jkollhom jirrapportaw dwar l-emissjonijiet ta’ CO2 tul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-karozzi l-ġodda fis-suq, permezz ta’ metodoloġija komuni.

Passi li jmiss

Ir-rapport ġie adottat bi 389 voti favur, 239 kontra u 41 astensjoni.  Il-ministri tal-istati membri issa jridu jadottaw il-pożizzjoni komuni tagħhom fid-9 ta’ Ottubru. Wara dan in-negozjati bejn il-Kunsill u l-Parlament għandhom jibdew fl-10 ta’ Ottubru.

Sfond

It-trasport huwa l-uniku settur maġġuri fl-UE fejn l-emissjonijiet tal-gassijiet serra għadhom qed jikbru, jgħidu l-MEPs. Sabiex jintlaħqu l-impenji li saru matul il-COP21 fl-2015, id-dekarbonizzazzjoni tas-settur kollu tat-trasport trid titħaffef, biex f’nofs is-seklu l-emissjonijiet ikunu ta’ żero.

Fl-istess waqt, is-settur globali tal-vetturi qed jinbidel malajr. Jekk il-kumpaniji Ewropej jibdew it-tranżizzjoni tard wisq hemm ir-riskju li jitilfu l-pożizzjoni ewlenija tagħhom, jgħidu l-MEPs.

More in Politika