Strajk ta' ġurnata nhar it-Tnejn li ġej mill-għalliema
L-MUT tħabbar strajk u titlob lill-gvern biex jissospendi l-Att dwar l-Edukazzjoni li ressaq quddiem il-Parlament
minn Albert Gauci Cunningham
Nhar it-Tnejn li ġej l-għalliema se jkunu fuq ġurnata strajk u dan minħabba l-atti li qed iressaq il-Gvern u li fihom qed jipproponi diversi bidliet fis-sistema tal-edukazzjoni. Il-Malta Union of Teachers (MUT) sostniet li hi mhux se taċċetta dawn il-bidliet u qed titlob lill-Gvern jissospendi l-Att dwar l-Edukazzjoni li tressaq quddiem il-Parlament.
L-MUT tat direttivi lill-membri kollha tagħha u anke lil dawk l-għalliema li mhumiex biex ma jirrappurtawx għax-xogħol nhar it-Tnejn 8 ta' Ottubru.
L-MUT sostniet li l-Att huwa 'assedju' fuq il-professjoni tal-għalliema u insistiet li "minflok ser ikompli jibni fuq it-tajjeb, ser ikun qiegħed iħott numru ta’ prinċipji li fuqhom hija mibnija l-edukazzjoni f'pajjiżna.
Dawn huma l-akkużi tal-MUT fir-rigward tal-Att imressaq mill-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo:
1. Daqshekk Permanent Warrants inkluż min diġà għandu wieħed
"L-Att il-ġdid jirrevoka retroattivament kull warrant permanenti li għandhom l-għalliema u minflok jipprovdi warrant li jiskadi li kulħadd. Dan għaliex l-Att jorbot il-warrant ma’ taħriġ kontinwu u test ta’ profiċjenza. L-MUT toġġezzjona bil-qawwa kollha għal din id-deċiżjoni u tqis dan bħala l-ewwel attakk fuq il-professjoni minn mindu beda l-istatus professjonali tal-għalliema fl-1988. Il-ħtieġa ta’ taħriġ kontinwu diġà qegħda fis-seħħ permezz tal-ftehim eżistenti u għaldaqstant ħaġa bħal din ma kelliex tinstab fl-Att, u wisq anqas marbuta mal-warrant."
2. Nuqqas ta’ lista ta’ x’għandek bżonn biex tingħata warrant
"L-Att il-ġdid ma jinkludlix deskrizzjonijiet tal-ħtiġijiet sabiex persuna tingħata warrant ta’ għalliem, liema referenza tinsab fl-att eżistenti. L-istess jista’ jingħad għal dak li hu meħtieġ sabiex KGE u LSE jingħataw liċenzja. L-MUT toġġezzjona għal din l-ommissjoni, li tista’ twassal għal interpretazzjonijiet diversi u ta’ konvenjenza, biex ma ngħidux abbuż, ta’ x’inhu meħtieġ biex tikseb warrant jew liċenzja."
3. Home-schooling minn persuni mhux kwalifikati
"L-Att il-ġdid jipprovdi għal tagħlim fid-dar (home-schooling). Filwaqt li jinkludi lista twila ta’ meta dan jista’ jiġi mħaddem, inkluż f’każi bħal meta l-filosofija tal-ġenituri ma taqbilx ma’ dik tal-iskola, ma jinkludix il-ħtieġa ta’ warrant sabiex jingħata l-permessi meħtieġa. L-MUT terġa’ ttenni li estremiżmu u abbużi moħbija ser ikunu r-riżultat ta’ deċiżjoni bħal din fejn kulħadd ikun jista’ jgħallem li jrid jew inkella ma jibgħatx lit-tfal skola biex jaħbi abbużi li jkun qiegħed iwettaq fuq it-tfal innifishom. L-MUT ghamlet diversi rappreżentazzjonijiet dwar dan u tħoss li l-Gvern qiegħed iċedi prinċipju importanti u li jagħti ftit serħan il-moħħ li l-persuna responsabbli hi kwalifikata. L-MUT tibqa’ tinsisti li dan il-provvediment, fejn ma hux neċessarju bħal f’każi ta’ mard, huwa biss ta’ dannu għall-istudent u hu perikoluż għas-soċjetà."
4. Il-Kap tal-Iskola personalment responsabbli għal-liċenzja tal-iskola
"L-Att il-ġdid jistipula li d-detentur tal-liċenzja biex titmexxa skola huwa personalment responsabbli fid-dawl tal-liġi u jsemmi l-kap tal-iskola bħala d-detentur tal-liċenzja. L-MUT toġġezzjona li l-kapijiet jistgħu jitqiesu personalment responsabbli filwaqt li l-kapijiet tal-iskejjel tal-istat qatt ma jistgħu ikunu d-detenturi tal-liċenzja meta dawn għandhom kontroll limitat ħafna fuq dak li jiġri fl-iskola, inkluż fuq l-ingaġġ, finanzi, riżorsi, kurrikulu u policies dwar aspetti varji tat-tmexxija maħruġa mid-Direttorati."
5. Bidla fl-Istrutturi u l-Bordijiet li jsarrfu f’żieda fil-Kontroll
"L-Att il-ġdid joħloq kummissjoni li tikkontrolla dak kollu li għandu x’jaqsam mal-iskejjel u s-servizzi, liema kummissjoni ser tkun qed titmexxa minn bordijiet ikkontrollati sew mill-gvern permezz ta' nominazzjonijiet tar-rappreżentanti tiegħu. L-MUT tisħaq li żewġ entitajiet differenti, u li qed jaħdmu tajjeb, li huma waħda għall-edukazzjoni għolja u l-oħra għal dik pre u compulsory, ser jiġu amalgamati u ser tinħoloq struttura enormi u kumplessa li mhux bilfors ser issarraf f'edukazzjoni ta’ kwalità aħjar."
6. Ġbir ta’ Informazzjoni Estensiva
"L-Att il-ġdid ser jerġa’ jinkludi r-referenza għall-ġbir ta’ data dwar l-istudenti, liema deċiżjoni kienet qajment furur ftit tax-xhur ilu u kienet ġiet irtirata. L-MUT tinsisti li filwaqt li dan għandu jittieħed fil-kuntest tal-liġi dwar il-protezzjoni tad-data (GDPR), il-ġbir ta’ data għandha tkun limitata għal dak li hu meħtieġ."
7. Sigurtà preventiva u pieni għal min jikser il-liġi hija opportunità mitlufa
"L-Att il-ġdid jinkludi sanzjonijiet għal min jikkawża ġrieħi lill-għalliema. Filwaqt li din il-klawżola għandha tinfetaħ għall-edukaturi kollha inkluż LSEs, KGEs u anki SMT kif rajna f’każijiet riċenti, is-sanzjonijiet imsemmija jistgħu jlaħħqu massimu ta’ €5000 u żgur li m’huma ta’ ebda deterrent sabiex ir-reat ma jseħħx. L-MUT tinsisti li l-Att kellu jinkludi wkoll miżuri preventivi inkluż l-ingaġġ ta’ membri tas-sigurtà f’kull skola."
'Mhux veru li se jitneħħew l-warrants tal-għalliema' - Gvern
"Il-liġi proposta fuq tal-edukazzjoni hija waħda favur l-edukazzjoni, favur il-protezzjoni tal-edukaturi u li ssaħħaħ il-professjoni. Il-liġi proposta tagħraf ix-xogħol diffiċli tal-edukaturi, u qed tħarrax il-pieni għal kull tip ta’ vjolenza jew theddid fuq l-edukaturi." Hekk sostna l-Gvern li qal illi mhux minnu li l-warrants tal-għalliema se jitneħħew jew jiġu rtirati u l-ebda warrant mhu se tiskadi.
"Il-liġi, kienet u se tibqa’, issemmi l-iżvilupp kontinwu tal-għalliem u r-rabta mal-warrant. Permezz tal-ftehim settorali issa l-edukaturi se jkollhom il-mezzi biex jagħmlu dan l-iżvilupp kontinwu."