Aġġornata | Il-Ministeru tal-Edukazzjoni jitlob laqgħa ta' rikonċiljazzjoni mal-MUT

...jgħid li qed issir miżinterpretazzjoni tal-Att dwar l-Edukazzjoni u jassigura...

Il-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo
Il-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo

Il-Ministeru tal-Edukazzjoni talab għal laqgħa ta’ rikonċiljazzjoni mal-Malta Union of Teachers (MUT) "biex jiċċara l-partijiet fil-liġi proposta li qed toħloq ħafna mistoqsijiet minħabba interpretazzjoni skorretta." Dan qed isir wara li lbieraħ filgħaxija l-MUT ħabbret ġurnata strajk għal nhar it-Tnejn li ġej u talbet lill-għalliema kollha biex ma jmorrux għax-xogħol. 

Il-Ministeru qal li hemm parti mill-att li qed ikun miżinterpretat u mifhum ħażin bħala 'tħassir' tal-warrant. Il-Ministeru sostna li dan mhux minnu u l-edba warrant mhu se jitneħħa. 

"Il-Ministeru lest jemenda u jikkjarifika din il-parti jekk b’xi mod tista’ tiġi interpretata li se tħassar il-warrant, għalkemm il-mod kif hija miktuba hija kompletament korretta. Il-Ministeru huwa lest li jtejjeb kull parti tal-liġi proposta, bi qbil mal-MUT."

Intant l-MUT ħabbret li se tattendi għal din  il-laqgħa, iżda sostniet li d-direttivi għal nhar it-Tnejn għalissa se jibqgħu. 

Intant, f'messaġġ għall-Jum l-Għalliema, il-Ministru Bartolo reġa' insista li l-ebda warrant mhu se jinteħħa "anzi nħeġġu aktar żgħażagħ jidħlu f’din il-vokazzjoni u f’din il-professjoni... Aħna rridu niżguraw li l-warrant jingħata, jinżamm kif inhu u nagħmlu minn kollox biex insaħħu l-professjoni tal-għalliema."

Bartolo qal li anke hu għamel snin jgħallem iżda insista li jaf li l-isfidi tal-lum huma ferm aktar diffiċli u iebsa.

"Irrid inserraħ ras l-għalliema, irrid inserraħ ras l-edukaturi kollha li din il-kontroversja li nqalgħet, li rridu neħdulhom il-warrant li għandhom, warrant li kisbu b’tant sagrifiċċju, mhi veru xejn," insista l-Ministru.

More in Politika