Illum fil-Qorti bdiet tinstema' l-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra r-raġel akkużat bil-qtil ta' Maria Lourdes Agius.
L-Ispettur James Grech spjega fil-Qorti kif kien l-akkużat stess li dakinhar tal-15 ta’ Settembru mar jirrapporta fl-Għassa ta’ Raħal Ġdid li l-vittma, omm ta’ sebat itfal, ma setgħetx tqum.
Agius, ta' 35 sena kienet instabet mejta nhar il-15 ta' Settembru fid-dar tagħha ġewwa r-Raħal ġdid. Hi kienet instabet b’għadd ta’ tbenġil f’għonqa, bl-awtopsja tikkonferma li l-mara mietet fgata.
L-għada, is-sieħeb tagħha li għandu 28 sena u mill-Kosta tal-Avorju tressaq il-Qorti akkużat bil-qtil tagħha.
L-akkużat kien wasal Malta b’mod illegali u ftit wara iltaqa' mal-vittma f’San Ġiljan u baqaw f’relazzjoni.
Il-Qorti semmet ukoll dettalji ġodda dwar ir-relazzjoni tal-vittma u l-akkużat fejn jumejn biss qabel il-qtil tal-vittma l-akkużat kellu argument ma’ magħha li fih kien saħanistra sawwat lill-vittma b’siġġu u ta daqqiet bis-sieq.
Waqt l-interogazzjoni l-akkużat qal li hu u l-vittma kien ikollhom ħafna argumenti minħabba t-tfal, għaliex skontu, hi ma kienetx tieħu ħsiebhom.