Il-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi tipproponi skema ta' ipoteka garantita mill-Gvern

....il-proposta qed issir fid-dawl tal-fatt li numru ta' nies qed isibu diffikultajiet biex jingħataw self mill-bank biex jixtru darhom

Il-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi tal-Knisja illum ħabbret il-proposti tagħha għall-baġit, li se jitħabbar nhar it-22 ta' Ottubru. Il-Kummissjoni ppreżentat rakkomandazzjonijiet marbuta ma’ ħames oqsma ewlenin: it-trasport, l-ambjent, is-saħħa, l-akkomodazzjoni affordabbli u l-migrazzjoni. 

Dawn li ġejjin huma l-proposti tal-istess Kummissjoni: 

Trasport: Huma meħtieġa aktar soluzzjonijiet fit-tul flok dawk temporanji. Dawn jistgħu jinkludu titjib fl-infrastruttura tagħna biex tkun tista’ tippermetti li t-trasport pubbliku, il-carpooling, il-mixi u ċ-ċikliżmu verament ikomplu jsiru alternattivi validi għall-vetturi privati. Għandhom jiġu implimentati l-Istrateġija Nazzjonali tat-Trasport 2050 u l-Abbozz għall-Pjan Nazzjonali tat-Trasport 2025. Jistgħu jiġu wkoll ikkunsidrati soluzzjonijiet alternattivi bħal xogħol mid-dar bħat-teleworking. 

Ambjent: Huwa neċessarju t-twaqqif ta’ mudell ta’ Ekonomija Ċirkulari li japplika fil-kuntest lokali. L-awtoritajiet għandhom jaħdmu għal gżira aktar nadifa permezz tal- introduzzjoni ta’ aktar siġar u pjanti f’żoni urbani. Barra minn hekk għandu jsir ippjanar bil-quddiem għall-użu tal-art b’mod effiċjenti kif ukoll tiġi assigurata l-protezzjoni tal-wirt ambjentali. 

Saħħa: Ladarba jiġu trattati kwistjonijiet ambjentali u tat-traffiku, dawn awtomatikament iwasslu għal stil ta’ ħajja iktar san. Għandhom jittieħdu azzjonijiet konkreti għall-problema tal-obeżità billi tiżdied l-attività fiżika fl-iskejjel, introduzzjoni ta’ miżuri fuq ikel ħażin għas-saħħa, u inċentivi biex jiżdied il-mixi u/jew l-użu tar-rota. Għandhom jiżdiedu r-riżorsi għall-kura tas-saħħa mentali sabiex jingħataw servizzi ta’ kwalità kemm lill-pazjenti kif ukoll lill-qraba tagħhom jew min jieħu ħsiebhom. 

Akkomodazzjoni affordabbli: Biex jittaffa parti mill-piż finanzjarju tal-akkomodazzjonijiet, il-Gvern għandu jħares lejn skemi differenti, bħal (i) skema ta’ propjetà bi sħab (ii) ipoteka garantita mill-Gvern u (iii) tnaqqis tal-imgħax fuq is-self mit-taxxi. Il-Kummissjoni tistenna l-pubblikazzjoni tal-white paper fuq is-suq tal-kera, bit-tama li tinkludi diversi soluzzjonijiet. 

Migrazzjoni: F’termini ta’ impjegati barranin il-Gvern irid jassigura li kundizzjonijiet tajbin u ugwali qegħdin jitgawdew minn kulħadd, irrespettivament min-nazzjonalità. Dan jista’ jsir permezz ta’ twaqqif ta’ uffiċċju legali li jipprovdi tagħrif dwar id-drittijiet u l-obbligi li għandhom persuni minn pajjiżi terzi. Il-leġiżlazzjoni legali għandha titranġa biex tinkludi protezzjoni effettiva lill-ħaddiema barranin li jirrappurtaw abbuż fuq xogħolhom. Programmi ta’ integrazzjoni għandhom jiġu inkoraġġuti. Dwar persuni li qed jitolbu l-ażil u refuġjati, il-Kummissjoni ġġedded l-appell tagħha għar-rispett lejn l-umanità ta’ dawn l-individwi. Il-Gvern għandu jinvesti f’ċentru ta’ akkoljenza fejn jilqa’ lil dawn l-individwi għall-ewwel darba. Għandhom isiru iktar sforzi biex dawn l-individwi jingħaqdu mal-qraba tagħhom, kemm jekk huma refuġjati rikonoxxuti jew benefiċjarji ta’ protezzjoni sussidjarja. 

More in Politika