Il-Grupp Parlamentari Nazzjonalista qed jitlob lill-Parlament japprova mozzjoni li titlob għal dik li l-PN qed isejjaħ "azzjoni serja dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia wara l-iżviluppi ġodda li seħħew dan l-aħħar."
Is-sejħa ewlenija tal-mozzjoni hi għal inkjesta indipendenti dwar dan il-qtil u li tinħatar bil-vot ta' żewġ terzi tal-Parlament.
Il-mozzjoni tressqet lill-Ispeaker Anġlu Farrugia mill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, mid-Deputat Karol Aquilina u l-Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista Robert Cutajar f'isem id-Deputati Nazzjonalisti kollha.
Saret ukoll talba lill-Ispeaker biex bi qbil bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra d-diskussjoni ssir nhar il-Ħamis li ġej.
Għax imminat hu, qed jimmina... - PL
"Il-mozzjoni mressqa llejla mill-Kap tal-Oppożizzjoni, Adrian Delia, hija mozzjoni ta’ Kap tal-Oppożizzjoni li għax imminat hu spiċċa jipprova jimmina l-istituzzjonijiet. Dan bil-għan li jintogħġob mal-estremisti fil-Partit Nazzjonalista." Hekk sostna l-Partit Laburista f'reazzjoni għall-mozzjoni tal-PN
"Il-gvern mhux biss ikkundanna l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia imma ta r-riżorsi kollha meħtieġa biex sal lum diġa’ hemm tlieta minn nies il-Qorti akkużati b’dan il-qtil."
"Fl-istess ħin hemm investigazzjonijiet li qed jissoktaw inkluż b’sehem ta’ Maġistrati li bil-mozzjoni tiegħu Delia qed jimmina xogħlhom u jiddikjara li m’għandux fiduċja fihom. L-investigazzjonijiet doppji li qed jipproponi Adrian Delia f’dan il-mument jistgħu biss jimminaw il-ġustizzja. U wieħed jistaqsi għaliex għaddejin sensiela ta’ manuvri minn bnadi differenti li jistgħu jimminaw il-ġustizzja," sostna l-Partit Laburista.
Il-PL temm jgħid li "Delia huwa l-uniku bniedem li għad hemm bżonn investigazzjoni dwaru. Għax Adrian Delia kellu allegazzjonijiet serji minn Daphne Caruana Galizia qabel intqatlet. Allegazzjonijiet li baqa’ ma weġibx għalihom."