Jason Azzopardi jiftaħ il-kanuni kontra l-Ispeaker Anglu Farrugia

Akkuża lill-Ispeaker li qed jiċċensura, isikket u jxekkel id-dibattitu politiku

Id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi qed jakkuża lill-Ispeaker Anglu Farrugia bi “preċedent perikoluż” meta bir-ruling mogħti fil-konfront tiegħu, “iċċensura, xekkel u sikket id-dibattitu politiku” li seħħ barra mill-Parlament.

Azzopardi qal dan f’mozzjoni, b’referenza għar-ruling mogħti mill-Ispeaker u li jakkuża lill-istess Azzopardi bi ksur ta’ privileġġ fil-konfront tal-Ministru Chris Cardona, wara tweet li kiteb u li Cardona insista li kienet fil-konfront tiegħu.

“Illejla stajtu taraw kif iġib ruħu korrott u dak li jiekol il-kirxa mal-qattiela, ma jħallix jitkellem lil min jikxen il-giden u l-ħażen tiegħu,” kien kiteb Azzopardi, mingħajr ma rrefera għal Cardona b'ismnu.

F’din il-mozzjoni, Azzopardi qed jitlob li dan ir-ruling ikun rivedut u jsir rapport fuqu mill-Kamra u jitniżżel fil-minuti tal-proċeduri tal-Kamra.

“Is-sedja saret l-arguzin u l-keffiena tad-dibattitu politiku, minflok irrikonoxxiet li kien hemm u għad hemm liġijiet li Membru Parlamentari jista’ jagħmel użu minnhom għal rimedju fil-Qrati tagħna jekk iħoss li jkun ġie inġurjat," kompla Azzopardi.

Il-mozzjoni tisħaq li Azzopardi huwa “aggravat” minn dan ir-ruling u tisħaq li għandu “implikazzjonijiet serji fuq l-imminar tal-eżerċizzju tad-dritt fundamentali tal-espressjoni f’pajjiżna mill-Membri Parlamentari f’materja ta’ kwistjonijiet nazzjonali.”

Tkompli tgħid li huwa “inkonċepibbli” li l-Ispeaker jiċċensura dak li jikteb jew jgħid Membru Parlamentari barra mill-Kamra, iktar u iktar “metra l-liġijiet tal-pajjiż joffru rimedju għal min iħossu malafamat u ma għandux il-faħam miblul.”

Azzopardi jikkonferma li kien qed jirreferi għal Cardona hekk kif  l-istess mozzjoni terġa’ tagħmel referenza għall-allegazzjonijiet kollha li saru fil-konfront tal-Ministru. Azzopardi jinsista li kull ma għamel kien li rrepeta fil-pubbliku dak li ġie rrappurtat u “żvelat minn grupp ta’ ġurnalisti investigattivi.”

Fakkar lill-Ispeaker li dan kollu ġara wkoll ftit ġimgħat wara li ma komplix il-libelli li kien għamel lil Daphne Caruana Galizia meta kienet akkużatu li żar il-burdell Acapulco waqt żjara uffiċjali fil-Ġermanja u anke li l-Ministru qed jirrifjuta li jippubblika l-call logs li jagħtuh raġun jew le.

Minħabba dawn ir-raġunijiet u oħrajn, Azzopardi qed jinsisti li r-ruling għandu jkun rivedut.

More in Politika