Casa Amalia—dar ġdida li se toffri servizzi għall-anzjani fil-komunità fir-Rabat, Għawdex

Casa Amalia hija dar tal-privat u li magħha l-gvern għandu ftehim biex jingħata dan is-servizz

Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li din id-dar se tkompli tagħti nifs lill-familji tagħna li għandhom membri tal-familja anzjani jew ibatu mid-dimensja. Casa Amalia hija dar tal-privat u li magħha l-gvern għandu ftehim biex jingħata dan is-servizz. B’dan il-mod, is-servizzi offruti minn din id-dar se jkunu parti mis-servizzi offruti mill-Ministeru għal Għawdex biex tkompli titjieb il-kwalità tal-ħajja tal-anzjani u persuni li jsofru mid-dimensja, filwaqt li jkomplu jgħixu fil-komunità.

Is-servizz se jkun offrut kemm matul il-jum kif ukoll matul il-lejl permezz ta’ mpjegati mħarrġa u speċjalizzati fis-settur tad-dimensja. Matul il-jum se jiġu wkoll offruti programmi li jkunu adattati għall-klijenti skont pariri professjonali.

Il-Ministru Justyne Caruana esprimiet is-sodisfazzjon tagħha dwar kif f’Għawdex ukoll issa dieħel il-privat fis-settur soċjali u awgurat li jkun hemm iktar investiment ta’ dan it-tip. Dan meta l-ħtieġa ta’ dawn is-servizzi dejjem qed tiżdied u huwa mpenn tal-gvern li jagħti l-aħjar servizz possibbli.

L-applikazzjoni għal dan is-servizz tista’ tinkiseb mill-Ministeru għal Għawdex, minn fuq is-sit https://mgozservices.gov.mt/ jew mill-mobile app MyGozo.

More in Politika