'Proposti dwar is-servizzi finanzjarji jista' jkollhom impatt negattiv fuq Malta'
Sant qal dan waqt id-dibattitu fil-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju tal-Parlament Ewropew
More in Politika
Sant qal dan waqt id-dibattitu fil-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju tal-Parlament Ewropew
Il-Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew appella għal kawtela dwar il-proposti tal-Kummissjoni Ewropea dwar is-servizzi finanzjarja għax fi kliemu se joħolqu dannu għall-industriji żgħar u medji f’Malta.
Huwa għamel dan l-appell waqt id-dibattitu fil-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju tal-Parlament Ewropew (ECON) fil-Parlament Ewropew.
Il-Kumitat kien qed jiddiskuti x’informazzjoni għandha tiġi żvelata lil pubbliku meta jkunu se jitniedu investimenti fis-swieq finanzjarji u kemm l-investimenti se jkunu sostenibbli ambjentalment fil-futur, billi jikkontribwixxu fil-miri lejn l-enerġija rinovabbli.
Fost oħrajn, il-Kummissjoni Ewropea qed tipproponi qafas armonizzat Ewropew li jispeċifika kif investituri istituzzjonali, nies fit-tmexxija tal-assi, distributuri tal-assigurazzjoni u konsulenti tal-investiment iridu jintegraw ir-riskji ambjentali, soċjali u governattivi fi ħdan il-proċeduri eżistenti, bħala parti mid-dmir tagħhom li jaġixxu fl-aħjar interess tal-klijenti. Jeħtieġ ukoll li jippubblikaw dak li jsibu.
Madanakollu, fl-intervent tiegħu, Sant ħeġġeġ għal studju bir-reqqa tal-impatt li jista’ jkollha din il-proposta li ddaħħal regoli ġodda u twessa’ l-mandat tagħhom.
Huwa saħaq li l-istudju għandu jirreferi b’mod speċjali għat-tranżazzjonijiet tal-intrapriżi żgħar u medji. Huwa qal li metodi ta’ ‘one-size-fits-all’, li jlibbsu l-istess żarbun għal kulħadd, aktarx li jżidu l-ispejjeż ta’ negozju finanzjarju u ma jikkontribwixxu xejn lejn il-kawża ta’ enerġija nadifa u rinovabbli.
“Għandha tingħata attenzjoni biex jiġi evalwat l-impatt, ġenerali u partikolari, tal-miżuri li qed jiġu proposti. Parti sostanzjali tas-servizzi finanzjarji huma intermedjati mill-intrapriżi żgħar jew medji. Numru ta’ stati membri, inkluż Malta, bażikament iserrħu fuqhom għal provediment ta’ ħafna servizzi li ma humiex tal-banek.” qal Alfred Sant.
Ir-rapporteur MEP Paul Tang fit-tweġiba tiegħu għall-intervent ta’ Dr Sant qabel li jeħtieġ aktar żmien biex issir il-bidla proposta, u qabel mal-argumenti tal-MEP Malti dwar l-industrija tal-intrapriżi żgħar jew medji.
Vot fuq dawn il-proposti se jittieħed fl-ECON fil-5 ta’ Novembru.