Frieket, skieken u platti tal-plastik tista' tinsiehom għax se jkunu projbiti

L-MEPs jaqblu wkoll illi għandu jitnaqqas l-użu ta' prodotti kaxxi jew kontenituri tat-'take-away' u aktar....

Il-plastik li jintuża darba bħall-platti, il-pożati, l-istraws, il-plastik li magħha jintrabtu l-bżieżaq jew 'cotton buds', ser jiġu pprojbiti permezz tal-pjanijiet tal-UE adottati llum. 

Dawn il-prodotti, li jirrappreżentaw iżjed minn 70% tal-iskart fil-baħar, ser jiġu pprojbiti fis-suq tal-UE mill-2021, skont abbozz ta’ liġi approvat mill-Parlament.

L-MEPs żiedu wkoll diversi prodotti oħra tal-plastik li għandhom jiġu pprojbiti mill-2021: prodotti magħmula mill-oxo-plastics degradabbli, bħal boroż u materjal ta’ ippakkjar, u kontenituri użati fil-fast-food magħmula mill-polistirene ċellulari.

Miri nazzjonali għat-tnaqqis tal-plastik mhux ipprojbit

Il-konsum ta’ bosta oġġetti oħra, li għalihom m’hemmx alternattiva, ser ikollu jitnaqqas mill-istati membri mill-inqas b’25% sal-2025.  Dan jinkludi l-kaxxi tal-burgers b’użu uniku, il-kaxxi tas-sandwich jew il-kontenituri tal-ikel għall-frott, il-ħaxix, id-deżerta jew il-ġelat.  L-istati membri għandhom ifasslu pjanijiet nazzjonali biex iħeġġu l-użu ta’ prodotti li jistgħu jintużaw diversi drabi, kif ukoll l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ.

Plastik ieħor, bħall-fliexken, ser ikollu jinġabar separatament u, sal-2025, 90% ta’ dan għandu jiġi riċiklat.

Filters tas-sigaretti u tagħmir tas-sajd mitluf

L-MEPs qablu li l-miżuri ta’ tnaqqis għandhom ikopru wkoll l-iskart mill-prodotti tat-tabakk, partikolarment il-filtri tas-sigaretti għaliex dawn fihom il-plastik.  Dan l-iskart għandu jonqos b’50% sal-2025 u 80% sal-2030.

Filtru wieħed jista’ jħammeġ bejn 500 u 1000 litru ta’ ilma, u meta jintrema fit-triq, jista’ jdum tnax-il sena biex jiddiżintegra.  Il-filtri jirrapreżentaw it-tieni oġġett tal-plastika b’użu uniku li jintrema fin-natura.

L-istati membri għandhom jiżguraw ukoll li mill-inqas 50% tat-tagħmir tas-sajd li jintilef jew jiġi abbandunat jinġabar kull sena, b’mira ta’ riċiklaġġ ta’ mill-inqas 15% sal-2025.  It-tagħmir tas-sajd jirrapreżenta 27% tal-iskart fil-bajjiet Ewropej.

Responsabbilizzazzjoni akbar tal-produtturi

L-istati membri għandhom jiżguraw li l-kumpanniji tat-tabakk ikopru l-ispejjeż li jirriżultaw mill-ġbir tal-iskart mill-prodotti tagħhom, inkluż it-trasport, u l-ipproċessar tal-iskart.  L-istess japplika għal dawk li jipproduċu t-tagħmir tas-sajd li fih il-plastik.

Passi li jmiss

Ir-rapport, imħejji minn Frédérique Ries (ALDE, BE), issa ser ikun il-bażi għall-pożizzjoni tal-Parlament waqt in-negozjati mal-Kunsill ladarba l-ministri jkunu adottaw il-pożizzjoni tagħhom.

More in Politika