Wara ħidma koordinata bejn diversi Taqsimiet tad-Dwana, mifruxa fuq numru ta’ ġimgħat, ġew interċettati erba’ kontejners mimlija sigaretti tal-kuntrabandu. F'din l-operazzjoni konġunta bejn, l-Intellectual Property Rights Unit, il-Containers Monitoring Unit u l-Customs Scanning Unit intuża wkoll l-iscanner tad-Dipartiment.
Is-sigaretti rriżulta li huma kollha kontrafatti u dan ġie kkonfermat mir-rappreżentanti legali f’Malta tal-kumpaniji li jimmanifatturaw dawn it-'trademarks.'
Fl-ewwel kontejner li ġie eżaminat instabu 10 miljun sigarett tal-kuntrabandu, fit-tieni kontejner instabu 8.5 miljun sigarett, fit-tielet 10 miljun sigarett u fir-raba’ kontejner 8.5 miljun sigarett. B'hekk il-fugra totali hi dik ta' 37 miljun sigarett tal-kuntrabandu
Dawn is-37 miljun sigarett, magħduda mat-total ta’ 11.6miljun sigarett tal-kuntrabandu li inqabdu aktar kmieni din is-sena, itellgħu l-figura ta’ sigaretti maqbuda sa issa din is-sena għal 48.6 miljun. Din hi figura rekord għad-Dwana ta’ Malta.