Illum kompliet tinstema' l-kumpilazzjoni fil-qtil ta' Hugo Chetcuti bl-akkużi miġjubin kontra Bojan Cmelik. Fix-xhieda tiegħu l-eks Kuntistabbli Carl Dimech spjega kif Cmelik kien deher ma' grupp ta' żgħażagħ f'BBQ ftit wara li attakka lil Chetcuti u ħallieh jilgħab għal ħajtu. Xħin Cmelik intebaħ li l-Pulizija kienu qed jippuntaw lejh telaq jiġri.
"Tajtu ordni biex jieqaf tliet jew erba' darbiet imma baqa' jiġri...li niftakar żgur huwa li beda jiġri, beda jiġri ħafna u kienet diffiċli taqbdu."
L-Avukat Joe Giglio, li qed jidher għall-familja staqsa jekk meta neħħew il-ħwejjeġ il-Pulizija biex jippresarvaw l-evidenza kienx hemm xi ħaġa mhux normali, imma Dimech wieġeb fin-negattiv.