L-AD lil Joseph Muscat: 'Jew twarrabhom jew warrab int'

....u l-Partit Demokratiku jgħid l-istess filwaqt li jsostni li s-sistema tal-pajjiż hija mkissra

Konrad Mizzi u Keith Schembri
Konrad Mizzi u Keith Schembri

F'żewġ stqarrijiet separati kemm l-Alternattiva Demokratika, kif ukoll il-Partit Demokratiku talbu għat-tneħħija ta' Konrad Mizzi u Keith Schembri wara l-aħħar żviluppi politiċi li juru illi l-kumpanija 17 Black hija ta' Direttur tal-Eletrogas, Yorgen Fenech. Il-kumpanija bbażata fid-Dubaj kienet 'target client' tal-kumpaniji fil-Panama li kienu fetħu ċ-Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Keith Schembri u l-Ministru Konrad Mizzi. F'17 Black daħlu $1.4 miljun minn negozjant mill-Ażerbajġan, il-pajjiż minn fejn topera l-kumpanija Socar li mingħandha l-Electrogas tixtri l-gass u $200,000 oħrajn mill-aġent Malti tal-LNG. 

L-Alternattiva Demokratika (AD) sostniet li Joseph Muscat għandu "immedjatament iwarrab lil Konrad Mizzi u lil Keith Schembri, u jekk se jibqa’ jiddefendihom għandu l-obbligu li jwarrab hu wkoll."

Dan qalu Carmel Cacopardo Chairperson tal-AD huwa u jitkellem dwar l-aħħar żviluppi politiċi.

"Jidher issa iktar minn qatt qabel li l-Prim Ministru hu ostaġġ ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri u ma jistax jiċċaqlaq minħabba fihom."

l-AD sostniet illi "Joseph Muscat mhux kredibbli meta joqgħod jistaħba wara riżultati ta’ inkjesti għax għal raġunijiet ovvji qed iħallat il-ħass mal-fażola u jħawwad bejn responsabbiltajiet kriminali u dawk politiċi. Mhux sew li l-pajjiż kollu qed ikollu jġorr ir-reputazzjoni ta' pajjiż korrott minħabba tnejn min-nies imwaħħlin mas-siġġu li jokkupaw u Prim Ministru li iktar moħħu kif jipproteġi lil ta' madwaru milli lill-kumplament tal-pajjiż," temmet tgħid l-Alternattiva Demokratika.  

17 Black: Is-sistema tagħna mkissra. Jeħtieġ li nsewwuha – Godfrey Farrugia.

Intant anke l-Partit Demokratiku, tenna l-għajta tiegħu għas-sospensjoni immedjata ta’ Konrad Mizzi u ta’ Keith Schembri minn kull attività tal-Gvern, sakemm tintemm l-investigazzjoni kriminali tal-pulizija dwar in-negozju li kienu bi ħsiebhom jagħmlu ma’ 17 Black.

"Il-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff Keith Schembri fetħu żewġ kumpaniji sigrieti fil-Panama. Il-konsulenti tagħhom, Nexia BT, kienu qalu li dawn il-kumpaniji bi ħsiebhom jinnegozjaw ma’ 17 Black ta’ Fenech u stmaw li Mizzi u Schembri se jaqilgħu €150,000 fix-xahar. Il-pjanijiet kollha saru meta t-Tumas Group ta’ Fenech tefgħet offerta għall-proġett tal-power station tal-gass ta’ Delimara bħala parti mill-konsorzju tal-Electrogas u Enemalta, li kienet taqa’ taħt ir-responsabbiltà politika ta’ Mizzi, li kien qed jinnegozja l-offerta."

“Jidher li l-pjanijiet oriġinali ta’ Mizzi u Schembri ġew imfixkla biss minħabba li kull bank fid-dinja li talbu biex jiftħulhom kont bankarju qalilhom le: Il-pjanijiet tagħhom kienu jintnu," sostna id-Deputat tal-PD Godfrey Farrugia. 

“17 Black turi kif is-sistema hi mkissra. Xogħolna hu li nsewwuha,” kompla Farrugia

 


 

More in Politika