Analiżi | Sant u Simon: Għall-Ewropa jew le?

Alfred Sant u Simon Busuttil. Min jgħid li ħerġin u min jgħid li le. Imma l-kandidatura tagħhom kif tista’ tbiddel ix-xenarju politiku u tiddetermina l-futur tal-partit?

Sitt xhur oħra l-poplu Malti u Għawdxi se jkun mitlub jerġa’ jagħmel l-għażla, din id-darba mhux għall-Gvern imma għas-sitt rappreżentanti Maltin fil-Parlament Ewropew. Apparti l-ħafna mistoqsijiet, possibilitajiet u analiżi dwar l-eżitu ta’ din elezzjoni, s’issa hemm fattur komuni bejn iż-żewġ partiti.

Kemm il-Partit Nazzjonalista kif ukoll il-Partit Laburista għandhom kandidat prospettiv li kien mexxej tal-istess partit, li għadu ma ħabbarx il-kandidatura tiegħu, li hemm dubji jekk qattx se jħabbarha u li hemm xenarji politiċi partikolari li jinħolqu bil-kandidatura tiegħu. Dawn huma, Alfred Sant u Simon Busuttil.

Din il-gazzetta analizzat l-impatt li l-kandidatura ta’ Busuttil u Sant jaf ikollha fuq il-partiti rispettivi tagħhom u n-nuqqas tagħhom fuq il-karta tal-vot fl-2019 xi tkun tfisser għall-istess partiti.

Alfred Sant: kalamita għall-għeruq

Alfred Sant jibqa’ politiku maħbub ħafna fost l-għeruq tal-Partit Laburista minħabba diversi raġunijiet. L-ewwel nett huwa meqjus bħala persuna ‘nadifa’, fil-fatt qatt ma saru akkużi jew allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni fil-konfront tiegħu f’26 sena karriera politika li kellu s’issa. Ħafna għeruq għadhom isostnu li Alfred Sant, dak iż-żmien appoġġjat bil-qawwi minn Joseph Muscat, kellu raġun fuq diversi punti fejn jirrigwarda d-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Dan apparti li Sant huwa meqjus bħala ‘vittma’ taċ-ċirkostanzi politiċi li tellfuh Gvern leġittimu fl-1998, xi ħaġa li ħafna Laburisti ħassew illi hija xi ħaġa li ma tinħafirx.

Il-Partit Laburista jaf illi jekk Sant ikun fuq dik il-karta tal-vot, il-probabilità illi jkun elett u jġib riżultat tajjeb hija għolja ħafna.

Fl-aħħar elezzjoni tal-MEPs fl-2014 Sant kien kiseb 48,739 vot u allura kien l-aktar kandidat li ġab voti minn fost dawk tal-Partit Laburista u l-aktar kandidat li ġab voti mill-partiti kollha.

Dan ifisser illi Sant huwa fattur b’saħħtu ħafna.

Min-naħa l-oħra l-Partit Laburista bħalissa ma jidhirx li qed jara instabbilità fil-bażi ta’ votanti tiegħu u allura li Sant ma jkunx fil-lista ta’ kandidati mhux se jimpatta daqstant l-ammont ta’ voti li jġib il-partit. Dan huwa kuntrarju għal Simon Busuttil li huwa probabli li se jkollu persentaġġ konsiderevoli ta’ nies li jekk ma jivvutawx lilu, jew ma jivvutawx jew inkella ma jagħtux l-ewwel preferenza lill-Partit Nazzjonalista (ara iktar ’il quddiem)

Miriam Dalli
Miriam Dalli

Il-fattur ‘Miriam Dalli’ u t-tmexxija tal-PL

Huwa sigriet magħruf fost l-għeruq tal-Partit Laburista illi t-tmexxija tal-partit qed tara lill-Membru Parlamentari Ewropew Miriam Dalli bħala s-sostitut perfett għal Joseph Muscat.

Teoretikament, ħafna voti minn dawk il-kważi 49,000 vot ta’ Sant suppost imorru għand Dalli għal diversi raġunijiet. L-ewwel nett mingħajr Sant u b’Marlene Mizzi li mhux se tikkontesta, Miriam Dalli se tibqa’ l-unika kandidata tal-Partit Laburista li fil-fatt hija MEP bħalissa. Dan ifisser li se tkun l-unika waħda b’esperjenza diretta f’din il-kariga. Il-‘karta’ tal-esperjenza se tintlagħab ħafna favur Dalli jekk Sant ma joħroġx. Jekk Sant joħroġ imma min irid persuna ta’ esperjenza politika jaf ikun aktar inklinat li jagħżel lil Sant, anke għax dan jidher aktar dirett u kritiku tal-Unjoni Ewropea.

B’rebħa kbira li tlaħħaq l-40,000 jew il-50,000 vot f’distakk, Miriam Dalli tkun għamlet rebħa kbira ta’ fiduċja mal-Laburisti u b’mewġa ta’ appoġġ bħal dik titpoġġa fuq quddiem f’tiġrija għat-tmexxija Laburista. B’Alfred Sant il-possibilità li dan is-suċċess jitpoġġa taħt dell huwa probabli ħafna.

Alfred Sant: ħadha kontra tal-‘Panama’ u darba injora l-‘ordni’ ta’ Muscat

Alfred Sant kien pjuttost ċar illi huwa kien jirreżenja kieku kien minflok il-Ministru Konrad Mizzi, bil-Ministru Evarist Bartolo jgħid illi jaqbel ma’ Sant.

Iktar minn hekk u iktar riċenti Sant sostna li l-impatt tal-Panama Papers se jkun negattiv u li l-Panama Papers huma attakk fuq is-servizzi finanzjarji.”

L-eks Mexxej Laburista, nhar it-18 ta’ Jannar ta’ din is-sena kien sostna wkoll li jeżistu problemi fil-governanza tal-pajjiż u fil-kontrolli fuq il-korruzzjoni. Minkejja dan kien sejjaħ bħala ‘redikolaġni’ ż-żjara ta’ delegazzjoni mmexxija minn Ana Gomes mill-Parlament Ewropew f’pajjiżna.

Imma mhux biss, Sant kien injora lil Muscat fuq in-nomina ta’ Simon Busuttil bħala Membru tal-Kumitat ta’ esperti li jwettaq skrutinju fuq in-nomini tal-Imħallfin għall-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja. Dan hekk kif il-PM Joseph Muscat kien qal, f’waħda mil-laqgħat ta’ kull nhar ta’ Ħadd illi l-MEPs tal-Partit Laburista kienu se jivvotaw favur din in-nomina. Minflok Sant iddeċieda li ma jivvutax.

Dawn huma kollha indikazzjonijiet illi Sant huwa xi ftit jew wisq imprevedibbli u li ma jobdix id-direttivi meta dawn ma jaqbilx magħhom.

Dan jista’ jindika illi t-tmexxija tal-partit u tal-Gvern li fiċ-ċentru tagħhom hemm Keith Shembri u Konrad Mizzi, ma tantx huma kuntenti b’Sant jew ejja ngħidu li mhux il-favorit tagħhom.

Għalkemm probabilment f’ammonti negliġibbli, Sant jista’ jkun li jattira vot ta’ protesta kontra t-tmexxija tal-partit, speċjalment fid-dawl ta’ ċerti żviluppi relatati mal-kwistjoni tal-Panama.

Bih u mingħajru?

Kif diġà għidna, il-preżenza ta’ Sant se żżid il-valur tal-lista ta’ kandidati fis-sens li se tagħmel il-lista aktar ikkulurita u l-għażla għal min se jivvota PL aktar vasta. Mingħajru iżda l-Partit Laburista m’għandux biża’ partikolari ta’ telf ta’ voti, speċjalment jekk din l-elezzjoni se tintlagħab bħala ‘l-aħħar waħda’ ta’ Muscat.

Dan jista’ jindika allura illi filwaqt li mixtieq minn bosta, bih u mingħajru ċ-ċans ta’ rebħa Laburista kbira jew kbira ħafna xorta jibqa’ tajjeb ħafna.

Simon Bususttil: jirrappreżenta faxxa kbira tal-PN

L-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil jirrappreżenta linja ta’ ħsieb fil-partit, linja li sa ftit żmien ilu kienet dominanti. Din il-linja ta’ ħsieb hija bbażata l-aktar fuq il-bżonn li l-Oppożizzjoni tkun b’saħħitha u militanti, speċjalment quddiem dak li jaraw bħala ‘l-aktar Gvern korrott fl-istorja.’ Huwa l-ħsieb u t-twemmin li l-PN kellu raġun u kien qiegħed fuq in-naħa t-tajba tal-istorja meta ġġieled lill-Gvern ta’ Muscat fuq il-korruzzjoni. Busuttil jirrappreżenta dik il-faxxa ta’ Nazzjonalisti li kienu jaqraw, isegwu u jemmnu lil Daphne Caruana Galizia reliġjożament, li jipparteċipaw fil-mixjiet u attivitajiet relatati mal-qtil ta’ Caruana Galizia u li huwa aktar possibbli li jkunu ġejjin mill-faxxa tal-klassi tan-nofs u mill-10 Distrett, id-distrett illi fih il-PN iġib l-aqwa riżultat. Din il-faxxa ta’ nies mhuma kuntenti xejn li Adrian Delia huwa Kap tal-PN għax jarawh moralment inferjuri għal kull Kap ieħor fl-istorja politika.

Din il-faxxa ta’ nies li jirrappreżenta Busuttil hija dik l-aktar li qed tindika astensjoni fl-2019.

Għalhekk b’differenza minn Sant, Busuttil huwa ħafna iktar determinanti għar-riżultat finali tal-Partit Nazzjonalista fl-2019 u ħafna iktar b’saħħtu mill-eks Mexxej Laburista.

Joħroġ għal tal-MEPs...jagħti daqqa t’id lil Delia

Jekk Simon Busuttil joħroġ għall-elezzjoni tal-MEPs ikun ta’ daqqa t’id tajba lil Delia, fis-sens illi jkunu nġabru eluf ta’ voti għall-Partit Nazzjonalista illi ma kinux jinkisbu jekk Busuttil ma joħroġx għal din l-elezzjoni partikolari.

Il-probabilità li Busuttil ikun elett hija tajba ħafna. Dawk li ma tantx jaraw għajn m’għajn ma’ Busuttil se jaraw suċċess għal Busuttil fl-2019 bħala mod kif se jkunu “ħelsu” minnu mix-xena politika lokali. Bin-nuqqas ta’ Busuttil dawk id-Deputati li xorta jappoġġjaw lilu aktar milli lil Delia, ma jkollhomx dak il-punt ta’ referenza li jgħaqqadhom aktar, għall-inqas fuq bażi strettament lokali.

Minkejja din il-kunsiderazzjoni, Busuttil fil-Parlament Ewropew ikun pjuttost b’saħħtu u hemm ċans li l-partit fuq bażi lokali u l-partit fuq bażi Ewropew jieħdu direzzjoni u japplikaw strateġiji xi ftit differenti. Jista’ jkun ukoll illi Delia ma jkollux il-kontroll li jixtieq fuq l-MEPs tal-PN stess jekk ikun hemm Busuttil fi Brussell.

Lura fil-Parlament Ewropew Busuttil jerġa’ jkollu influwenza aktar milli hemm min forsi jixtieq fil-partit.

Jiġifieri l-imbuttatura li kapaċi jagħti Busuttil f’elezzjoni illi fiha s’issa qed jidher li l-Partit Nazzjonalista se jmur ħażin ħafna, għandha prezz magħha; dak li Busuttil ikompli jżid fil-popolarità.

Politikament ma tantx hija ta’ benefiċċju li jkollok Deputat jew membru tal-partit li huwa iktar popolari mill-Kap.

...u jekk ma joħroġx

Jekk Busuttil ma joħroġx iċ-ċans huwa li l-voti li kieku jmorru għandu jinqasmu. Ftit imorru fuq David Casa illi bħalissa huwa l-eqreb fil-ħsieb u strateġija ta’ Busuttil. Jista’ jkun li xi voti oħrajn imorru għand Roberta Metsola. Imma hemm ċans ukoll li persentaġġ tajjeb minn dawk li jappoġġjaw lil Busuttil ma jmorrux jivvutaw.

Ma ninsewx li dawn in-nies qed jonqsu mit-total li kien ġab il-PN fl-2017 u anke fl-2014 meta l-PN tilef l-elezzjoni tal-MEPs b’33,700 vot.

Dan ifisser illi fin-nuqqas ta’ xi ħadd b’saħħtu u bi preżenza qawwija ħafna fuq il-midja (bħall-Avukat Bernard Grech), il-PN jitlef ħafna voti.

Dan ix-xenarju ta’ telfa daqs jew ikbar minn dik tal-2017, joqgħod perfettament man-narrativa tas-sezzjoni tal-PN li ma jridux lil Delia jibqa’. B’riżultat ħażin, grazzi wkoll għan-nuqqas ta’ Busuttil fuq il-karta tal-vot, it-triq tkun imwittija għal bidla fit-tmexxija.

Dan allura juri li dak li se jagħmel Busuttil jista’ jkun determinanti ħafna fuq ir-riżultat fl-2019 u allura wkoll fuq il-futur tal-Partit Nazzjonalista.

More in Politika