L-MEA tiddefendi kuntratturi li jagħtu kuntratti qosra lill-ħaddiema

Joe Farrugia saħaq li l-impjegatur mhux dejjem ikollu għażla oħra u għalhekk jingħataw dawn il-kuntratti

Id-Direttur Ġenerali tal-Malta Employers’ Association, Joe Farrugia, saħaq li filwaqt li kuntratti qosra għal-ħaddiema mhux irrakomandati, għax il-ħaddiem ikun qed jgħix f’inċertezza, l-impjegatur mhux dejjem ikollu għażla oħra.

Farrugia kien qiegħed jirreaġixxi għal-istorja tal-gazzetta ILLUM dwar kuntratti qosra li qed jingħataw lil skrivana fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex, liema kuntratti jiġġeddu xahar b'xahar jew kull ftit xhur.

Huwa spjega kif jekk kumpanija tingħata kuntratt ta’ perjodu qasir ħafna, il-kuntrattur mhux dejjem ikun jista’ jintrabat li jagħti kuntratt twil lill-ħaddiema tiegħu.

Kompla jgħid kif xi drabi jkun il-Gvern stess li jagħti kuntratt qasir lil xi kuntrattur u għalhekk, min-naħa tiegħu, l-impjegatur ma jkunx jista’ jagħti kuntratti twal lill-impjegati.

“Nassigurak li mhux fl-interess tal-kumpaniji li jagħtu kuntratti qosra għax jitilfu l-ħaddiema,” kompla jisħaq Farrugia.

Mistoqsi x’jista’ jsir biex kuntratti għall-ħaddiema li jiġġeddu kull ftit xhur jinqatgħu, Farrugia insista li min qed jagħti kuntratt lil kumpanija, fejn possibbli ma għandux għalfejn joqgħod jagħti kuntratti qosra.

“Jekk proġett se jieħu erba’ snin għalfejn tagħti kuntratt lill-kuntrattur li jista’ jiġġedded kull sitt xhur jew sena?” staqsa d-Direttur Ġenerali tal-MEA.

Iżda staqsejnieh ukoll jekk l-impjegatur jistax xorta waħda jagħti kuntratt itwal lill-ħaddiema u wara li jintemm il-kuntratt mogħti lilu, iżommhom jaħdmu miegħu. Filwaqt li insista li jista’ jkun hemm każi ta’ ħaddiema li jkunu trasferiti fuq proġett ieħor, ikun hemm każi oħra fejn l-impjegatur li jkun intemmlu kuntratt, ma jkollux bżonn li jżomm dak l-ammont ta’ ħaddiema.

Mill-banda l-oħra, insista li t-tħassib serju jqum meta jkollok sid ta’ stabbiliment, jew inkella ristorant, li x-xogħol tiegħu ma jiskadix b’kuntratt u li xorta waħda jagħżel li jimpjega wejter b’kuntratt li jiġġedded kull ftit xhur.

Aqra hawn dak li qalu l-UĦM u l-GWU dwar dawn il-kuntratti.

More in Politika