Daqshekk bring-in sites imballati...introdotti l-iBiNs

Pembroke kienet l-ewwel lokalità fejn ġew introdotti l-bring-in sites fl-2002...issa se tkun l-ewwel lokalità li se tirċievi l-bins intelliġenti. 

Il-kooperattiva tar-riċiklaġġ GreenPak illum bdiet tintroduċi l-iBiNs li huma mistennija jġibu tibdil kbir fl-immaniġġjar tal-iskart.

Dan ghaliex l-iBiNs huma mgħammra b’teknoloġija intelliġenti li tippermetti liċ-ċittadini jirriċilkaw 24 kuljum u li jwasslu għat-tmiem tal-bring-in-sites mimlija sax-xifer.

Bl-użu tal-aħħar teknoloġija Internet of Things, introdotta għall-ewwel darba fil-gżira minn Vodafone Malta, l-iBiNs għandhom il-kapaċità jimmonitorjaw livelli tal-iskart u jibgħatu informazzjoni lura lil sistema ċentrali li tippermetti lis-servizz tar-riċiklaġġ ta’ GreenPak jagħtu prijorità u jaddattaw ir-rotot tal-ġbir fil-lokalitajiet li fihom isservi madwar Malta u Għawdex.

Filwaqt li kien qed jindirizza konferenza stampa konġunta mal-Prim Ministru Joseph Muscat, is-CEO ta’ GreenPak Mario Schembri qal li sal-aħħar ta’ Frar, il-Kooperattiva se tkun investiet aktar minn €600,000 biex tintroduċi netwerk ta’ 800  iBiNs intelliġenti. L-aħbar — li saret fil-preżenza tal-Ministru tal-Gvern Lokali Owen Bonnici, il-Ministru għall-Ambjent Jose Herrera, is-Segretarju Parlamentari tal-Ekonomija Diġitali Silvio Schembri, is-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur Deo Debattista, u s-Segretarju Parlamentari tal-Gvern Lokali Silvio Parnis — saret f’Pembroke, l-ewwel lokalità fejn ġew introdotti l-bring-in sites fl-2002. Pembroke issa se tkun l-ewwel lokalità li se tirċievi l-bins intelliġenti.

L-Inġ. Schembri qal li dan huwa żmien eċċitanti għal GreenPak u jikkonforma mal-viżjoni tagħna li Nirriċiklaw kull ħin, kullimkien. "Id-djar m’għandhomx għalfejn jibqgħu jistennew il-ġurnata magħżula biex joħorġu l-iskart tagħhom billi qed nipprovdu lill-komunità b’servizz affidabbli 24 kuljum, “L-inizjattiva tagħna hija waħda mill-ewwel proġetti ta’ servizz pubbliku li tuża l-Internet Of Things fuq din l-iskala f’Malta, u se tieħu l-maniġġjar tal-iskart fuq livell ieħor. Dan huwa l-pass li jmiss għal Malta aħjar,” qal Schembri. Biex tħaddem teknoloġija bħal din, il-Vodafone ġabet in-Narrowband Internet of Things (NB-IoT) lejn Malta għall-ewwel darba. L-NB-IoT hija standard tat-teknoloġija ġdida, simili bħat-3G u 4G, imfassla biex twessa’ l-futur tal-konnettività IoT. 

More in Politika