'L-OLAF mhux qed tinvestiga lil David Casa' - Adrian Delia
Skont rapporti, l-OLAF għadha mhux qed tinvestiga lil David Casa imma qed tevalwa l-informazzjoni li qed taslilha.
More in Politika
Skont rapporti, l-OLAF għadha mhux qed tinvestiga lil David Casa imma qed tevalwa l-informazzjoni li qed taslilha.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia rrefera għal rapporti fuq midja lokali u saħaq li l-OLAF mhux vera qed tinvestiga lill-Ewroparlamentari David Casa.
Kien is-sit Newsbook.com.mt li staqsa lil OLAF jekk hux minnu li qed tinvestiga lil David casa, b'kelliem għall-OLAF jisħaq li "jkun biss wara li jsir l-assessjar preliminari, li l-OLAF tiddeċiedi jekk tiftaħx investigazzjoni dwar Casa."
Għalhekk, jispjega r-rapport, l-OLAF qiegħda biss tassessja l-informazzjoni li waslitilha, u mhux tinvestiga.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, Adrian Delia insista li għal kuntrarju ta' Casa, Keith Schembri u Konrad Mizzi qed ikunu investigati u għalhekk għandhom jirriżenjaw.
Kienet il-gazzetta MaltaToday li rrappurtat kif eks impjegat ta' David Casa kiteb darbtejn lill-Uffiċċju Ewropew kontra l-Frodi biex jgħaddi informazzjoni tat-taxxa li turi kif il-pagi tal-ħaddiema sħabu, inkluż tiegħu, kienu ‘mneffħa’ bil-għan li Casa jieħu kemm jista' mill-baġit allokat lill-MEPs biex ikun jista’ jżomm porzjoni għalih.
Jakkuża lill-Prim Ministru Joseph Muscat li mhux qed jgħid il-verità.
Il-Partit Nazzjonalista sejjaħ il-konferenza biex jirreaġixxi għar-reazzjoni tal-Prim Ministru dwar il-kumpanija 17 Black u insista li Muscat qed iħares biss l-interess ta’ Keith Schembri u mhux dak nazzjonali.
Waqt il-konferenza ntweriet ukoll parti minn programm Xtra, fejn il-Prim Ministru kien qal li Keith Schembri jirriżenja jekk ikun hemm investigazzjoni fuqu.
Madanakollu, fl-aħħar jiem, il-Prim Ministru insista li l-inkjesta li għaddejja “hija dwar kumpanija u mhux dwar individwu.”
Insista wkoll li filwaqt li l-Prim Ministru qal li ma jistax ikun jaf kontra min hemm investigazzjoni, mill-banda l-oħra qed jgħid li l-investigazzjoni mhux kontra Keith Schembri. Tenna li anke dan juri li l-Prim Ministru qed jigdeb.
"Kif tista' ssir investigazzjoni fuq dik il-kumpanija u ma jindagawx lil min se jieħu flus minn kumpanija taħt investigazzjoni kriminali," saħaq Delia waqt li stieden lill-Prim Ministru biex iwieġbu.