Titnieda l-kampanja ‘16-il jum ta’ attiviżmu’ kontra l-vjolenza domestika

‘16 days of activism against gender-based violence’ hi kampanja internazzjonali li tibda fil-25 ta’ Novembru

‘16 days of activism against gender-based violence’ hi kampanja internazzjonali li tibda fil-25 ta’ Novembru; il-Jum Dinji għall-Eliminazzjoni tal-Vjolenza fuq in-Nisa, u tispiċċa fl-10 ta’ Diċembru, li hu l-Jum Dinji għad-Drittijiet tal-Bniedem.

Waqt li nediet din il-kampanja f’Malta, il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza Helena Dalli nnutat li waħda minn kull tliet nisa fl-Ewropa tesperjenza vjolenza domestika jew vjolenza abbażi tal-ġeneru xi darba jew aktar tul ħajjitha.

F’dan il-kuntest saħqet li l-liġijiet mhumiex biżżejjed u l-akbar sfida tibqa’ dik li nibdlu l-mentalità u l-kultura ta’ tolleranza għall-abbuż u għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem.

Din l-isfida, żiedet il-Ministru, ħarġet fid-deher fil-Parlament fejn il-maġġoranza tal-Oppożizzjoni vvutat kontra l-att li jittrasponi l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Vjolenza Domestika u l-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru. Helena Dalli rreferiet ukoll għall-kliem dispreġjattiv li ntqal riċentament fil-konfront ta’ Rosianne Cutajar u li jkompli jikkonferma kemm it-triq hi għat-telgħa.

Kien għalhekk li flimkien mal-liġi li rduppjat il-pieni għall-aggressuri u tat aktar protezzjoni lill-vittmi, il-Gvern ħareġ bi strateġija nazzjonali li tassigura sinerġija fil-ħidma tal-ministeri u tad-dipartimenti kollha kontra dan il-kankru soċjali.

Ħidma li għandha tkattar l-għarfien dwar is-servizzi disponibbli għall-vittmi u l-protezzjoni li toffri l-liġi biex jagħmlu kuraġġ u jirrappurtaw l-abbuż.

Din il-kampanja hi pass importanti ieħor biex tkompli tiżdied il-viżibilità għal dawn l-isforzi. Għal dan l-għan se jitwaħħlu diversi billboards u posters b’messaġġi varji f’postijiet pubbliċi u fi stabbilimenti privati.

Il-Kummissarju kontra l-Vjolenza Domestika u l-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru Simone Azzopardi tkellmet dwar l-irwol importanti tal-mezzi tax-xandir f’din il-kampanja u lil hinn minnha. Dan fil-kuntest ta’ artikli sensazzjonali li jagħmlu aktar ħsara milli ġid.

Azzopardi qalet li l-għodda li toffri l-liġi għandha tintuża b’mod aktar effettiv waqt li tenniet l-impenn tagħha biex tiżdied l-aċċessibilità għas-servizzi għall-vittmi tal-vjolenza domestika u tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru. Madanakollu l-Kummissarju saħqet li r-responsabbiltà hi waħda kollettiva u kulħadd irid jagħti sehmu biex neradikaw din il-pjaga soċjali.

Simone Azzopardi temmet li l-edukazzjoni hi ċ-ċavetta għall-prevenzjoni u għall-bidla fil-mentalità u għalhekk appellat biex l-istituzzjonijiet edukattivi jinkludu s-suġġett tal-vjolenza domestika u tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru bħala orizzontali.

Is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għall-Affarjiet Ewropej u l-Ugwaljanza Joseph Camilleri qal li din il-kampanja; li ssir kull is-sena; din id-darba qed issir wara snin ta’ ħidma biex il-Kummissjoni kontra l-Vjolenza Domestika u l-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru tissaħħaħ u tingħata r-riżorsi meħtieġa biex tkun effettiva fil-missjoni tagħha.

Dan filwaqt li żdied il-vot finanzjarju għall-Kummissjoni u se jiġu ngaġġati aktar nies mal-istess kummissjoni. “Dan kollu hu xempju tal-impenn tas-servizz pubbliku lejn din il-kawża”.

More in Politika