Il-Ministru għall-Affarjiet Ewropej u l-Ugwaljanza Helena Dalli indirizzat l-‘LGBTI+ Tourism Conference’ organizzata għall-ewwel darba f’pajjiżna mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu bis-sehem ta’ ITB Berlin. Din tal-aħħar torganizza l-akbar fiera tat-turiżmu fl-Ewropa b’taqsima sħiħa dedikata għat-turiżmu speċifiku għall-persuni LGBTIQ.
L-Organizzazzjoni Dinjija tat-Turiżmu tqis din in-niċċa bħala promettenti ħafna għat-turiżmu madwar id-dinja u qed tikber kontinwament. L-istess organizzazzjoni tgħid li t-turiżmu LGBTIQ jista’ jservi ta’ katalista għall-iżvilupp ekonomiku, l-inklużjoni soċjali u l-kompetittività tal-pajjiżi, mhux b’inqas ta’ pajjiżna. Studji juru wkoll li turisti LGBTIQ jonfqu aktar mill-medja waqt il-btajjel tagħhom.
F’dan il-kuntest, il-Ministru Helena Dalli tkellmet dwar il-progress li għamlet Malta fl-aħħar snin biex tiftaħ il-bibien tagħha għad-diversità u għar-rispett lejn id-dinjità ta’ kull bniedem.
B’referenza għall-aħħar żviluppi dwar il-ftuħ ta’ gender well-being clinic, Helena Dalli żiedet li għalkemm baqa’ xi jsir, Malta llum qiegħda f’pożizzjoni li timmassizza l-potenzjal tagħha f’din in-niċċa turistika.