'Iktar moħli vot għall-PN u l-PL milli għalina'

Il-gazzetta ILLUM tistaqsi lil Arnold Cassola, wieħed mill-kandidati tal-AD għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew

L-ILLUM tkompli tiltaqa' ma' aktar kandidati għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.

L-eks Chairperson tal-Alternattiva Demokratika, Arnold Cassola jwieġeb il-mistoqsijiet li se ssaqsih inti jekk jiġi jħabbatlek il-bieb

1. L-Alternattiva Demokratika ma tantx jidher li qed tikseb popolarità jekk inħarsu lejn is-sondaġġi tal-aħħar sena. Ma taħsibx li minkejja kollox, il-poplu għadu mhux qed iħares biżżejjed lejn it-tielet partit bħala għażla?

Naqbel miegħek. Forsi mhux qed nagħmlu biżżejjed biex nagħmlu lill-popolazzjoni Maltija u Għawdxija konxja mill-fatt li 55 sena ta’ duwaliżmu politiku PL PN wassal għas-sitwazzjoni diżastruża ambjentali u ta’ governanza li qegħdin fiha.

2. Tidħol f’residenza ta’ negozjanti. Dawn sejrin tajjeb bħalissa. Għalfejn għandhom jivvutaw lilek?

Għaliex jixtiequ l-ġid lit-tfal u lit-tfal tat-tfal tagħhom. Għax ma jridux li dawn ikunu vittmi ta’ mard respiratorju li ġej mit-tniġġis tal-arja u mill-fatt li dejjem imwaħħlin fit-traffiku. Għaliex ma jridux li t-tfal tagħhom ikunu dejjem stressjati minħabba n-nuqqas ta’ spazju fejn jistgħu jimirħu.

3. Tidħol għand familja Nazzjonalista li ma tantx huma kuntenti bil-mod kif miexi l-PN bħalissa, tant li qed jippjanaw li ma jivvutawx fl-2019. Għalfejn għandhom jivvutaw lilek?

Għaliex l-esperjenza ta’ 6 MEPS mill-PN u PL biss f’dawn l-aħħar 14-il sena wriet li ma servewx biex tiżdied it-trasparenza u l-kontabilità u biex titnaqqas il-korruzzjoni mill-politika Maltija. MEP tal-Alternattiva jagħti skoss lis-sistema għaliex la jien u lanqas sħabi ma nxtrajna qatt mid-DB, minn Tumas jew minn Gasan.

4. Tidħol għand koppja LGBTIQ u jgħidulek li dan il-Gvern tahom id-drittijiet kollha ma jarawx għalfejn għandhom jivvutaw lil partit ieħor. Kif se tikkonvinċihom jivvutaw lill-AD?

Ngħidilhom li waqt li kien l-PL li daħħal dawn il-liġijiet fis-seħħ, kienu jinħtieġu snin ta’ persistenza min-naħa ta’ Alternatttiva Demokratika biex tqiegħdu fuq l-aġenda d-drittijiet ċivili.

5. Tidħol fid-dar ta’ individwu u jgħidlek illi jixtieq jivvota partit ‘żgħir’, imma jibża’ illi dak ikun vot ‘moħli’. X’tgħidlu?

Ngħidlu li hu aktar moħli l-vot għall-PL u l-PN, għax dawn urew bil-provi li jiffavorixxu biss lill-iżviluppaturi, billi jagħtuhom artijiet pubbliċi b’irħis u kuntratti miljunarji għas-skaptu taċ-ċittadin normali. Aħna tal-Alternattiva Demokratika wrejna bil-provi li r-residenti jiġu l-ewwel u qabel kollox. U għalhekk vot għall-AD huwa vot rilevanti ħafna.

6. Iwaqqfek nassab u jgħidlek li l-AD kontra l-kaċċaturi. X’tgħidlu?

Ngħidlu li jien assolutament m’iniex kontra l-kaċċaturi... imma totalment kontra l-kaċċa. Fis-soċjetà tal-lum m’hemmx lok għal dit-tip ta’ attività. Shoot the birds with your camera.... not with your gun.

7. Tidħol għand familja Laburista li tgħidlek illi hija xi ftit mdarrsa bi stejjer bħal ta’ 17 Black. Imma jkompli jgħidu illi “dawn mhux kollha l-istess...kollha xi ftit korrotti.” Inti kif tikkonvinċihom li inti l-aħjar għażla tagħhom?

Ngħidilhom li jien ili 30 sena fil-politika u l-istorja politika tiegħi hija ktieb miftuħ. Allura LE, jien u sħabi m’aħniex l-istess, “xi ftit korrotti”. L-istorja politika tagħna qiegħda hemm biex jaraha kulħadd.

8. Tmur id-dar ta’ żewġ anzjani u jgħidulek illi int trid il-vot biex issir sinjur mill-Ewropa, b’paga tajba u perkaċċi. Kif twieġeb?

Ngħidilhom li jiena bniedem iffortunat u, kollox ma’ kollox, bniedem tat-tajjeb. M’għandix bżonn nirbaħ siġġu biex ikolli salarju tajjeb. Ili 30 sena fil-politika għax inħobb nipprova ninfluwenza d-deċiżjonijiet li ser jimpattaw fuq il-ħajja tan-nies normali.

9. Jekk trid vera tagħmel differenza ma taħsibx li kien ikollok ċans ikbar kieku ħriġt mal-PN jew il-PL?

Apparti l-fatt li l-PN u l-PL xejn ma juru konsistenza fl-imġiba tagħhom –u jiena bniedem konsistenti- il-PN u l-PL żgur ser ikunu rrappreżentati fil-Parlament Ewropew b’MEP. Li hemm bżonn għall-ġid ta’ Malta u l-Maltin hu li jkun hemm rappreżentant ġdid minn Alternattiva Demokratika, li jibda jagħmel parti mill-Grupp tal-Ħodor fil-Parlament Ewropew.

10. Tidħol f’residenza ta’ mara li ssostni li hi temmen li għandha jkollha dritt li tagħmel abort. Inti x’tgħidilha?

Ngħidilha li billi hemm ħlejqa oħra dgħajfa –it-tarbija- li wkoll għandha dritt għall-ħajja, jiena kontra l-abort, ħlief fil-każ li jkun hemm periklu serju għas-saħħa u għall-ħajja tal-omm.

More in Politika