Kif se jolqtok il-Brexit? X’ġara u x’nafu s’issa
Ilbieraħ il-mexxejja tal-UE qablu dwar il-ftehim dwar Brexit. Imma x’nafu u x’ġara s’issa? U lilek se jolqtok? U Malta kif se tkun affettwata? Ħarsa ħafifa lejn dak li nafu sa issa, ma’ Edward Zammit Lewis...
minn Albert Gauci Cunningham
Il-Brexit. F’dawn l-aħħar ġimgħa u nofs reġa’ kien fuq fomm l-Ewropa kollha. Hekk kif il-Gvern ta’ Theresa May deher illi se jikkrolla minħabba nuqqas ta’ qbil fuq il-ftehim dwar Brexit, bir-riżenja tas-Segretarju għall-Brexit Dominic Raab, ħafna Ewropej kienu qed jippruvaw jifhmu x’inhu eżatt id-destin ta’ wieħed mill-pilastri tal-Unjoni Ewropea.
Forsi ħafna minna ħarsu lejn dan il-proċess b’passività, għax naħsbu li mhux se jolqot lilna. Ħafna oħrajn, lanqas biss taw kas għax għalihom il-Brexit huwa xi ħaġa ’l bogħod, biċċa drama li tikkonċerna biss lill-Ingliżi mhux lilna. Kieku r-Renju Unit kien daqs Malta, forsi kien ikollna biċċa raġun, imma r-Renju Unit huwa pajjiż kbir, fil-fatt wieħed mill-akbar pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.
L-ILLUM tiltaqa’ ma’ Edward Zammit Lewis, li bħalissa qed imexxi l-Kumitat Parlamentari għall-Affarijiet Ewropej u Barranin u l-għada li l-mexxejja tal-Unjoni Ewropea qablu dwar il-ftehim mar-Renju Unit, titkellem dwar il-‘politika’ fil-kwistjoni ta’ Brexit imma wkoll dwar dak li lilek jista’ jolqtok direttament, kif lilek jista’ jolqotlok il-but.
Imma x’qed jiġri eżatt?
L-ILLUM tistaqsi lil Zammit Lewis jispjega eżatt x’qed jiġri bħalissa u x’jaħseb dwar il-mistoqsija li qed issir bħalissa, jiġifieri jekk wara kollox hux se jkun hemm Brexit.
“F’mument minnhom kien hemm deċiżjoni ta’ Cameron, li jsir referendum, liema referendum intrebaħ bi żbrixx,” jibda jgħid Zammit Lewis b’ħarsa lejn l-2016. Ifakkar illi r-Renju Unit ilu membru tal-UE mill-1973.
Minn hemmhekk jispjega d-dimensjonijiet politiċi Ingliżi bħalissa b’firdiet, mhux biss fost il-poplu imma anke bejn il-partiti u fi ħdan il-partiti.
Jeremy Corbyn, mexxej Laburista Ingliż: Zammit Lewis ifakkar li l-mexxej tal-Partit Laburista Ingliż Jeremy Corbyn qal li l-ftehim ta’ May mhux aċċettabbli u jsostni li kollox għandu jmur lura Brussell u jsir ftehim mill-ġdid li hu jgħid li jista’ jagħmel.
“Issa rridu naraw meta l-ftehim imur quddiem il-Parlament hux se jkun hemm deputati tiegħu stess li jivvutaw kontrih,” qal Zammit Lewis.
Theresa May, Prim Ministru: Min-naħa l-oħra Zammit Lewis fakkar kif il-Prim Ministru u mexxej Konservattiv Theresa May qed tinsisti li dan huwa l-aqwa ftehim, li jagħti ċertezza u tranżizzjoni. Hi sostniet ukoll fl-aħħar ġranet, wara ħames riżenji fil-Gvern tagħha, illi s’issa ħadd għadu ma ressaq alternattiva vijabbli għal dak li qed toffri hi.
Zammit Lewis fakkar illi ‘No Deal’ u allura li jibqa’ ma jkunx hemm ftehim bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea tista’ toħloq ħafna inċertezza fil-pajjiż hekk kif dan ikun meqjus bħall-Maċedonja, l-Albanija u oħrajn.
Kummissjoni Ewropea: L-eks Ministru Malti fakkar illi min-naħa tagħha l-Kummissjoni Ewropea qalet lir-Renju Unit li l-qbil li qed tagħti huwa l-aħjar li tista’ tagħti. Fakkar illi l-UE ma tridx lanqas illi tagħti ftehim li huwa superjuri għal dak li għandhom pajjiżi membri tal-UE.
Imma se jsir referendum ieħor?
Fid-diskussjoni li għaddejja bħalissa qed jintefa’ l-agument li jista’ jkun hemm possibilità tat-tieni referendum. Xi ħaġa li bla dubju tkun mill-aktar kontroversjali u tista’ saħansitra toħloq l-inkwiet.
Iċ-Chairperson tal-Kumitat Parlamentari għall-Affarijiet Barranin u Ewropej x’jaħseb? “Fl-opinjoni tiegħi l-poplu tar-Renju Unit tkellem.”
Imma qed jgħidu li l-poplu ma kienx jaf għaliex dieħel. Fis-sens li l-għażla kienet bejn sħubija ‘speċjali’ kif imressqa minn David Cameron jew inkella barra l-UE mingħajr pjan ċar.
Zammit Lewis jinsisti illi l-argument li poplu ma ‘kienx infurmat bizzejjed’ huwa argument li ilu ħafna jsir. “Il-poplu tar-Renju Unit huwa sovran. Jiena nemmen li d-deċiżjoni sovrana għandha tkun rispettata. Naħseb li huwa importanti f’dan l-istadju huwa li l-poplu tar-Renju Unit ifittex li jkollu ċ-ċertezza,” temm jgħid.
Studenti u saħħa, inċerti għalissa
Hawn ħafna studenti Maltin u Għawdxin li qed jitilgħu jistudjaw jew isegwu xi kors fir-Renju Unit, mhux biss studenti tal-ITS (kollha jsegwu kors fir-Renju Unit bħalissa) imma studenti diversi u anke ħaddiema. X’se jiġri?
“L-istudenti tagħna jmorru l-London School of Economics u Bath u Cambridge, tajjeb nistaqsu dan kollu hux se jibqa’ validu?” staqsa. Ta’ min wieħed ifakkar illi programmi bħall-Erasmus isiru biss fost pajjiżi tal-Unjoni Ewropea li għandha wkoll sistema komuni ta’ ċertifikazzjoni. Jiġifieri Diploma u Degree fl-Università Maltija tkun tiswa f’kwalunkwe Università fit-28 pajjiż ieħor. Mhux ċar x’jista’ jiġri issa.
Nitkellmu għal mument qasir ukoll dwar il-qasam tas-saħħa. Tul is-snin ħafna nies telgħu Londra biex jieħdu xi forma ta’ kura. U allura minn dawn x’se jiġri?
Edward Zammit Lewis ifakkar fl-arranġamenti ta’ qabel l-2004 u jistaqsi x’se jiġri. “Se mmorru lura għall-ftehim li kellna qabel Malta saret membru tal-Unjoni Ewropea? U l-UE se tħallina nagħmlu ftehim bilaterali mar-Renju Unit?” jistaqsi.
Jinsisti mal-ILLUM illi l-ftehim se jiddetermina ħafna kemm u kif isiru ftehim bilaterali.
U jekk se tmur tgħix fir-Renju Unit, se ssir diffiċli?
Għal dawk li jgħixu hemm jew inkella għal dawk li jixtiequ jmorru jgħixu r-Renju Unit se ssir diffiċli?
Zammit Lewis ifakkar kif sa din il-ġimgħa li għaddiet Theresa May tkellmet mal-komunità tan-negozjanti u spjegat kif ir-Renju Unit jeħtieġ ħaddiema partikolari, minn pajjiżi partikolari. Jekk huma inġiniera jew programmers jew ħaddiema speċjalizzati.
“Sal-lum jidher li hemm assigurazzjonijiet li se jinżamm l-istatus quo għall-Maltin li jgħixu fir-Renju Unit u għall-Ingliżi li jgħixu Malta, fi kliem ieħor mhu se jinbidel xejn.”
Imma nistaqsih; kif jista’ jkun li Ingliż se jkollu l-istess aċċess għall-istess servizzi ta’ Malti meta wieħed huwa minn pajjiż tal-UE u l-ieħor le? “Dan jista’ jkun possibbli, imma bi ftehim bejn r-Renju Unit u l-UE. Aħna bħala pajjiż, kif qal il-Prim Ministru Joseph Muscat diversi drabi, nieħdu l-pożizzjoni li tieħu l-Unjoni Ewropea.”
Imma t-turiżmu se jintlaqat?
B’mod minimu diġà qed nintlaqtu, fis-sens li r-Renju Unit mhuwiex membru taż-żona Shengen u allura biex tidħol fil-pajjiż, kif jafu ħafna, trid turi l-passaport u tistenna fi kju pjuttost twil.
Imma issa l-affarijiet jistgħu jieħdu żvolta ħafna ikbar.
“Meta nibet it-turiżmu,” jibda jispjega Zammit Lewis, “is-suq Ingliż dejjem kien u baqa’ l-akbar fis-settur turistiku. Għandek 45% tat-turisti li jiġu fix-xitwa li jkunu mir-Renju Unit u 30% fis-sajf.”
Huwa hawn li Zammit Lewis jistaqsi x’se nagħmlu bis-Single Skies Policy. Permezz ta’ din il-policy l-UE qablet li s-suq tal-kumpaniji tal-ajru jkun liberalizzat u allura jekk ajruplan ġej minn Manchester lejn Malta m’għandux għalfejn jagħmel l-Air Services Agreement (ASA). Dan ifisser li ajruplan ikun jista’ jinżel Malta mingħajr bżonn ta’ ftehim. Malta tagħmel ASA ma’ pajjiżi bħat-Turkija (biex jinżel it-Turkish Airlines) u l-Emirati (biex jinżel l-Emirates).
Huwa spjega kemm hu kruċjali li Malta jkollha konnettività u fid-dawl tal-fatt illi seba’ linji tal-ajru jtiru minn u lejn ir-Renju Unit staqsa jekk sarx qbil jew ġiex negozjat wieħed dwar dan il-punt partikolari.
U anke d-drittijiet tal-passiġġieri. Turist Ingliż se jibqa’ jkollu l-istess drittijiet? Bid-direttiva tal-Unjoni Ewropea d-drittijiet tiegħek huma ċari; kemm tista’ tieħu rifużjoni, meta tieħu rifużjoni u ħafna iktar.
In-negozji; probabilità ta’ aktar burokrazija
Naturalment għandna n-negozji. Zammit Lewis ifakkar lil din il-gazzetta illi hemm ċans li tiżdied il-burokrazija għan-negozji li jridu jiftħu fir-Renju Unit jew negozju tar-Renju Unit li jixtiequ jiftħu hawn. Fakkar illi meta tkun ġej minn pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea tista’ tiftaħ negozju b’faċilità. Imma jekk persuna trid tiftaħ negozju f’pajjiż barra mill-UE il-probabilità hija li l-burokrazija tiżdied.
Ifakkar lill-ILLUM illi min iġib xogħol mir-Renju Unit se jintlaqat jekk ma jintlaħaqx qbil li jbiddel is-sitwazzjoni ta’ bħalissa. Bħal meta ġġib xogħol miċ-Ċina, mit-Turkija jew mit-Tuneżija, jista’ jkun li mis-sena d-dieħla anke meta ġġib xogħol mir-Renju Unit tkun trid tibda tħallas id-dwana (id-dwana hija mneħħija għal kummerċ bejn pajjiżi tal-UE għax hija meqjusa bħala ostaklu għall-moviment ħieles tal-prodotti.)
Zammit Lewis ifakkar kif dan jista’ jfisser li jogħlew il-prodotti bil-periklu li n-negozju ma jibqax kompetittiv.
U finalment, nitkellmu ħafna dwar kumpaniji li jitilqu mir-Renju Unit, Zammit Lewis jara l-possibilità li minflok jitilqu minn hemm, imorru hemm?
“Jekk dak li l-Gvern Malti qed jopponi bil-qawwa, jiġifieri l-armonizzazzjoni tat-taxxa isseħħ, iva jista’ jkun hemm dan l-impatt negattiv.”
Immigrazzjoni; eżodu lejn l-Unjoni Ewropea?
U naturalment u finalment, l-immigrazzjoni, ir-raġuni għalfejn sar ir-referendum u r-raġuni ewlenija għalfejn rebaħ il-‘Leave’.
L-Ingliżi, jew ħafna minnhom, ivvutaw biex ma jidħlux barranin f’pajjiżhom imma fl-istess ħin l-immigranti li qegħdin fir-Renju Unit f’daqqa waħda se jkollhom passaport li mhux se jibqa’ Ewropew. Jaħseb li minflok jidħlu l-immigranti, se jkunu qed jitilqu? “M’iniex ċert x’se jiġri. Jekk l-ekonomija tibda tbatti u tgħaddi minn perjodu ħażin, jista’ jkun li jiġri dak li qed tgħid int. Imma jekk ikun hemm iċ-ċertezza, dan ma jiġrix”