Ilejla fil-Parlament il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia akkuża lill-Ministru Konrad Mizzi b'ħasil ta' flus u reġa sostna illi kull ġurnata li dan jibqa' fil-pożizzjoni l-pajjiż jibqa' l-vittma. "Il-vittmi huma l-Maltin u l-Għawdxin. Il-vittmi huma dawk kollha li qed jitilfu mill-qliegħ minħabba l-mod kif qed iġib ruħu l-Ministru Konrad Mizzi," allega Delia.
Din id-darba allura, kuntrarjament għal drabi oħrajn, l-Kap tal-PN m'allegax biss, iżda sostna bħala fatt li l-Ministru Konrad Mizzi qed jaħsel il-flus.
Hu kien qed jirreferi għall-aħħar żviluppi fir-rigward ta' 17 Black u allura l-kumpanija 'target client' tal-kumpaniji fil-Panama li kienu fetħu Iċ-Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Keith Schembri u l-Ministru Konrad Mizzi. F'17 Black kienu diġa għaddew $1.6 miljun, mill-Ażerbajġan kif ukoll mill-aġent lokali tal-LNG. Issa kien żvelat li Direttur fil-kumpanija li bniet u qed tmexxi l-Power Station, li tixtri l-gass LNG mill-Ażerbajġan, huwa sid 17 Black. Din il-kumpanija rreġistrata d-Dubaj, biddlulha isimha meta żvelata Daphne Caruana Galizia.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Liġi dwar il-Ħasil ta' Flus, li bħalissa qed jiddiskuti l-Parlament, tgħid illi mhuwiex biss meta xi ħadd jirċievi l-flus maħsulin li jkun qed jikser l-liġi, imma anke meta jkun hemm l-intenzjoni li jirċiviehom.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni fakkar illi l-piena għal ħasil ta' flus hija ta' 18-il sena priġunerija.
Huwa qal illi bħalissa kulħadd qed jitkellem b'mod negattiv dwar pajjiżna, fosthom dwar l-IIP, jew l-iskema ta' bejgħ tal-passaporti. Hu jsemmi l-kritika li saret għal Malta fosthom mill-BBC li sejjaħ lil pajjiżna, "bejta għal dawk li jaħslu l-flus."
Dwar il-Bank Pilatus, Delia qal illi huwa l-Gvern li ġab il-Bank Pilatus, għax sostna li dan "kellu ftit klijenti li kienu kollha fil-Gvern jew qrib il-Gvern u kollha għaddew minn taħt Brian Tonna ta' Nexia BT."
L-applikazzjoni biex dan il-Bank jiftaħ u jopera f’Malta beda fl-2012, dak iż-żmien taħt Gvern Nazzjonalista. Il-gazzetta ILLUM kienet fil-fatt żvelat dan lura f’Mejju tas-sena l-oħra u kienet irrappurtat ukoll li kien il-Ministru tal-Finanzi ta’ dak iż-żmien Tonio Fenech li ltaqa’ u ħeġġeġ lil Hasheminejad biex jinvesti f’bank privat bħala parti mill-politika biex is-settur finanzjarju f’pajjiżna jissaħħaħ. Mas-sit illum.com.mt iżda Fenech ċaħad illi qatt iddiskuta din il-materja maċ-Ċermen tal-Bank Pilatus, għalkemm ma ċaħadx illi f’xi punt meta kien Ministru ltaqa’ mal-istess Ċermen.
Dokumenti tal-MFSA, li fil-fatt kienu ppubblikati fuq l-istess illum.com.mt juru li r-reġistrazzjoni tal-Pilatus saret fis-6 ta’ Diċembru 2013 u ħarġet il-liċenzja tal-Bank fis-6 ta’ Awwissu 2015. Dokument ieħor juri li fil-fatt liċenzja oħra li ngħata l-Bank (Trading Licence) kien fl-2014 u dan biex seta’ jopera.
Jiġifieri l-fatti juru li l-proċess beda taħt Gvern tal-PN, imma l-liċenzjar u l-operazzjoni seħħ taħt Gvern Laburista.