Infrastructure Malta se tibni pont pedonali u għar-roti fi Blata l-Bajda
L-istruttura ser tgħaqqad Triq il-Kbira San Ġużepp fil-Ħamrun ma’ Spencer Hill u l-inħawi tal-Menqa fil-Marsa
More in Politika
L-istruttura ser tgħaqqad Triq il-Kbira San Ġużepp fil-Ħamrun ma’ Spencer Hill u l-inħawi tal-Menqa fil-Marsa
Infrastucture Malta se tibni pont pedonali ġdid fi Blata l-Bajda, sabiex tħaffef l-ivvjaġġar bil-mixi jew bir-rota bejn dawn l-inħawi, il-Ħamrun, il-Furjana u l-Marsa.
Il-pont, b’disinn ġej għat-tond, se jinbena s-sena li ġejja fuq Triq San Ġorġ Preca, biswit il-kwartieri tas-soċjetà tal-MUSEUM. L-istruttura ser tgħaqqad Triq il-Kbira San Ġużepp fil-Ħamrun ma’ Spencer Hill u l-inħawi tal-Menqa fil-Marsa, kif ukoll it-terminals tal-vapuri tal-passiġġieri u l-park and ride tal-Furjana. B’hekk, se jinħoloq mod aktar sigur biex taqsam minn naħa għal oħra ta’ din it-triq arterjali u jitneħħa l-bżonn tal-pelican lights li hemm bħalissa. Għaldaqstant, se jitjieb ukoll l-aċċess għall-waqfiet tal-karozzi tal-linja li hemm fuq kull naħa, u li jintużaw ħafna minn dawk li jivvjaġġaw minn u lejn in-nofsinhar tal-pajjiż.
Il-pont se jkollu rampi baxxi biex iċ-ċiklisti u dawk li jivvjaġġaw bil-mixi jaqsmu min-naħa ta’ Triq il-Kbira San Ġużepp, il-Ħamrun lejn in-naħa l-oħra tat-triq fil-Marsa jew bil-kontra. L-istruttura tiegħu giet iddisinjata b’mod li jkollha mpatt mill-inqas fuq il-pajsaġġ tal-inħawi. Fl-istess waqt, se toffri perspettiva ġdida biex tgawdi d-dehra tas-siġar kbar li hemm fl-inħawi meta tkun għaddej minn fuq il-pont. Se jsiru wkoll liftijiet biex il-pont ikun aċċessibbli għal kulħadd.
Is-sejħa għall-offerti biex jinbena dan il-pont tagħlaq fit-12 ta’ Diċembru 2018. Sadattant, Infrastructure Malta qed tikkonsulta mal-awtoritajiet tal-ambjent u l-ippjanar biex jinkisbu l-permessi meħtieġa għal dan l-iżvilupp. Ġaladarba jintemm il-proċess tal-għażla tal-kuntratturi, il-pont ikun jista’ jinbena fi ftit xhur, sa tmiem is-sena 2019. Dan il-proġett jista’ jkun kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea permezz tal-fondi strutturali u ta’ investiment.
Bħalissa, Infastructure Malta għaddejja wkoll bl-aħħar tħejjijiet biex is-sena d-dieħla tibni pont simili fi Vjal l-Avjazzjoni, Ħal Luqa. Din l-istruttura ta’ 34 metru se tagħmilha aktar faċli għal dawk li jivvjaġġaw minn u lejn diversi lokalitajiet madwar il-Gudja, kemm jekk bil-mixi jew bir-rota kif ukoll għal dawk li jużaw it-trasport pubbliku, fosthom dawk li jkunu sejrin lejn l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta u l-Istitut tal-Istudji Turistiċi. Faċilitajiet oħrajn ġodda biex iħajru aktar il-mixi u l-użu tar-rota mistennija jiġu nklużi wkoll fi proġetti oħrajn li diġà hemm ippjanati, bħalma huwa dak tas-Central Link Project bejn l-Imrieħel, Birkirkara, Ħal Balzan u Ħ’Attard, u l-Marsa Junction Project, bejn Raħal Ġdid u l-Marsa.
Infrastructure Malta hija mpenjata li tissokta bl-investiment bla preċedent li qed twettaq fl-infrastruttura tat-trasport fil-pajjiż, billi mhux biss ittejjeb il-kwalità tat-toroq imma tipprovdi wkoll faċilitajiet għal mezzi tal-ivvjaġġar alternattivi, aktar sostenibbli.
Aktar tagħrif jew għajnuna dwar dawn ix-xogħlijiet jistgħu jinkisbu minn Infrastructure Malta fuq 2334 1000 jew [email protected].