'It-tkabbir demografiku mgħaġġel fl-Afrika jrid jiġi indirizzat b’mod effettiv' - Abela

Il-Minjstru Carmelo Abela jappella biex ir-ritmu tad-diskussjonijiet bejn l-Unjoni Afrikana u l-Unjoni Afrikana jibqa' għaddej kif inhu...

Il-Ministru Abela waqt laqgħa tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin fi Brussell
Il-Ministru Abela waqt laqgħa tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin fi Brussell

It-tkabbir demografiku mgħaġġel fl-Afrika jrid jiġi indirizzat b’mod effettiv sabiex jiġu sfruttati l-opportunitajiet li joffru oqsma tan-negozju li sejrin tajjeb bħall-enerġija rinnovabbli, l-ekonomija blu, u d-diġitalizzazzjoni. Qal dan il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ, Carmelo Abela, waqt laqgħa tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin li jkopru l-qasam tal-koperazzjoni fil-qasam tal-iżvilupp li saret fi Brussell nhar it-Tnejn, is-26 ta’ Novembru 2018.

Il-ħidma li qed issir fuq l-Alleanza bejn l-Afrika u l-Ewropa għal Investiment Sostenibbli u għall-Impjiegi – li pproponieha l-President tal-Kummissjoni Ewropea, Jean Claude Juncker, waqt id-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni f’Settembru li għadda sabiex tingħata spinta sostanzjali lill-investiment fl-Afrika, jissaħħaħ il-kummerċ, jinħolqu l-postijiet tax-xogħol, u jsir ninvestiment fl-edukazzjoni u fil-ħiliet – kienet fuq nett tal-aġenda tal-Ministri.

Filwaqt li faħħar l-Alleanza bejn l-Afrika u l-Ewropa bħala pass fid-direzzjoni t-tajba, il-Ministru Abela tenna l-fehma soda ta’ Malta li r-ritmu li nħoloq fil-Laqgħa Għolja bejn l-Unjoni Afrikana u l-Unjoni Ewropea li saret f’Abidjan f’Novembru tal-2017 għandu jinżamm għaddej u jiġi sostnut, filwaqt li tiġi affermata mill-ġdid is-sjieda Afrikana tal-proċess.

Il-Ministru Abela qal li l-proċess tat-tneħħija tar-riskji għall-investimenti jitlob li jitwarrbu prattiki li għadda żmienhom u li jxekklu n-negozji kemm Afrikani kif ukoll Ewropej. “Irridu nassiguraw li mmorru lil hinn mill-prattiki tradizzjonali tan-negozju u naħdmu biex inneħħu dak li jxekkel il-kummerċ, li jinibixxi t-tkabbir tal-investiment barrani. F’dan il-kuntest, Malta temmen li huwa kruċjali wkoll li tingħata attenzjoni speċjali lill-investiment privat u lill-bini ta’ infrastruttura diġitali u tal-mobbiltà li tkun aġġornata u sostenibbli. L-investiment fl-edukazzjoni, fil-ħiliet mhux tradizzjonali, u fiż-żgħażagħ jgħin biex jiġi sostnut it-twaqqif ta’ intrapriżi ta’ negozju ġodda, li għandhom jistimulaw aktar tkabbir ekonomiku u joffru sostenn għal forzi tax-xogħol ibbażati fuq il-ħiliet.”

Filwaqt li nnota l-influwenza li qed tiżdied tan-nisa Afrikani madwar l-Afrika, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin saħaq fuq l-importanza li jinħareġ il-potenzjal ta’ imprendituri u mexxejja nisa. Sostna wkoll li, filwaqt li wieħed jirrikonoxxi li, għalissa, il-kwistjonijiet tal-iżvilupp u tal-migrazzjoni għadhom fuq nett tal-aġenda tal-UE fejn għandha x’taqsam l-Afrika, biex tabilħaqq taħdem mal-pajjiżi sħabha fl-Afrika, l-Unjoni trid tmur lil hinn min-narrattiva attwali u tpoġġi liż-żewġ kontinenti fuq bażi ugwali.  Malta temmen li l-Alleanza bejn l-Afrika u l-Ewropa tista’ tirnexxi biss jekk l-UE tfittex li jkollha taħditiet multilaterali u bilaterali konsistenti u kostruttivi dwar it-tqassim ekwu tar-riżorsi.

Il-laqgħa tal-Kunsill, li ppresedietha r-Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà, Federica Mogherini, iddiskutiet ukoll l-arkitettura finanzjarja futura għall-iżvilupp sostenibbli u għall-viċinat. Il-Ministri ngħataw aġġornament dwar fiex waslu n-negozjati dwar il-qafas finanzjarju plurijennali fejn għandu x’jaqsam l-Istrument tal-Viċinat, tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp, u tal-Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI). Qasmu wkoll fehmiet dwar il-passi li hemm bżonn li jittieħdu sabiex tiġi ggarantita arkitettura Ewropea koerenti, effettiva, u inklużiva. Il-Ministru Abela ppropona li, biex isir progress u jiġi assigurat li jkun hemm koordinazzjoni aħjar, il-Kunsill tal-UE jista’ jikkunsidra li ssir laqgħa konġunta bejn il-Ministri tal-Affarijiet Barranin u dawk tal-Finanzi tal-pajjiżi membri tal-UE.

Il-Ministri ddiskutew ukoll kwistjonijiet dwar il-ġeneru u dwar id-drittijiet tal-bniedem fimkien mar-rebbieħa tal-Premju Nobel għall-Paċi, l-attivista tad-drittijiet tal-bniedem Yazidi tal-Iraq Nadia Murad, u l-ġinekologu Kongoliż Denis Mukwege.

 

More in Politika