Ikkonfermata; Alfred Sant jitfa' n-nomina għall-elezzjoni tal-MEPs

Alfred Sant jitfa' n-nomina tiegħu għall-elezzjonijiet ta' Mejju li ġej kif ħabbret ilbieraħ il-gazzetta ILLUM

Kif ħabbret il-gazzetta ILLUM tard ilbieraħ filgħaxija, il-Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew tefa' l-applikazzjoni biex ikun ikkunsidrat bħala kandidat tal-Partit Laburista għall-elezzjonijiet tal-Parlament 

Fuq il-paġna tiegħu ta' Facebook, Alfred Sant irringrazzja lill-Ministru Helena Dalli, lil Joe Debono Grech u lil Tommy Dimech li bħala delegati tal-Konferenza Ġenerali tal-Partit issekondaw l-applikazzjoni.

 

Il-gazzetta ILLUM kienet analizzat l-impatt li Sant se jkollu fuq il-lista tal-Partit Laburista. Fl-analiżi spjegajna kif minkejja li l-preżenza ta' Sant mhux se tiddetermina jekk il-Partit Laburista jirbaħx jew le l-elezzjoni tal-2019, jista' jkun fattur ewlieni li jiġbor votanti diżillużi jew inkella mdejqin bil-Gvern minħabba raġunijiet diversi. 

                                       Aqra hawnhekk l-analiżi tal-ILLUM dwar il-kandidatura ta' Sant u Simon Busuttil

Fl-aħħar elezzjoni tal-MEPs fl-2014 Sant kien kiseb 48,739 vot u allura kien l-aktar kandidat li ġab voti minn fost dawk tal-Partit Laburista u l-aktar kandidat li ġab voti mill-partiti kollha.

Dan ifisser illi Sant huwa fattur b’saħħtu ħafna.

 

Sant kien elett Mexxej Laburista fl-1992 wara r-riżenja ta' Karmenu Mifsud Bonnici. Sant rebaħ l-elezzjoni tal-1996, imma l-Gvern li kien imexxi tilef vot ta' fiduċja wara vot kontrieh mill-eks Mexxej Laburista u eks Prim Ministru Dom Mintoff. Hu kkontesta l-elezzjoni tal-2003 u anke dik tal-2008, li tilef, qabel ma rriżenja mill-kariga. 

Alfred Sant bħalissa huwa l-Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew.

More in Politika