L-NAO isemmi 'nuqqasijiet' dwar il-kuntratt lill-Electrogas...Mizzi jgħid li huma 'nuqqasijiet żgħar'
Il-Ministru Konrad Mizzi jgħid illi r-rapport tal-NAO huwa 'konferma li l-għażla tal-ElectroGas kienet l-aktar waħda vantaġġuża'
minn Albert Gauci Cunningham
L-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali sostna illi kien mħasseb dwar dawk li ddeskriva bħala nuqqasijiet relatati mad-'due diligence'. L-NAO li kien qed jeżamina l-kuntratt mogħti lill-Electrogas jgħid illi filwaqt liwħud mill-offerti kienu eliminati fuq bażi suffiċjenti u ġustifikatat, "oħrajn ipproċedu għal Request for Proposals. (RfP) minkejja li kellhom nuqqasijiet simili għal dawk li kienu eliminati.
L-NAO qal illi minkejja l-aspetti pożittivi kollha, nġibdet l-attenzjoni tal-uffiċċju illi saru bidliet maġġuri waqt il-proċess, fosthom kif l-obbligazzjonijiet u l-kunċett ta' sigurtà ta' forniment, kienu trasferiti mingħand dawk li kienu qed jitfgħu l-offerti għal għand il-Gvern u l-Enemalta.
Minn Mejju 2014 ’il quddiem, ElectroGas Malta Ltd, il-Gvern u l-Enemalta, kif ukoll partijiet oħra, daħlu f’diversi kuntratti, inkluż il-Power Purchase Agreement, il-Gas Supply Agreement u lImplementation Agreement. It-terminu ta’ dawn il-kuntratti kien għal 18-il sena mit-tlestija talewwel fażi tal-kostruzzjoni tal-faċilitajiet tal-enerġija. Għalkemm il-proġett kellu jitlesta sal-14 ta’ April 2017, dan intlaħaq fit-28 ta’ Settembru 2017. Penali għad-dewmien, limitati għal €18,000,000, ġew imposti mill-Enemalta fuq ElectroGas Ltd.
F’termini ta’ provvista, l-Enemalta kellha tħallas għall-enerġija u l-gass li l-ElectroGas Ltd kellha għad-dispożizzjoni tal-Enemalta, kif ukoll l-ammonti fil-fatt mogħtija. Rati fissi kellhom japplikaw għall-ewwel ħames snin tat-terminu, u wara kellha tidħol fisseħħ sistema ta’ pprezzar indiċizzat. Filwaqt li l-enerġija kellha tinxtara mill-impjant il-ġdid, iġifieri Delimara 4, il-gass provdut kien maħsub għall-impjant tal-Enemalta mibdul biex jaħdem bil-gass, iġifieri Delimara 3.
Ftit wara l-iffirmar tal-kuntratti, Gasol plc, il-membru ewlieni tal-Konsorzju ElectroGas, irtira mill- ElectroGas Ltd, u ttrasferixxa l-ishma tiegħu lill-membri li kien fadal. Għalkemm il-bidla fl-ishma ġiet awtorizzata mill-Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa, u l-Enemalta, l-NAO wasal għall-fehma li din ma kinitx konformi mal-kuntratti fis-seħħ u marret kontra provvedimenti fl-Implementation Agreement.
L-involviment tal-Gvern sabiex l-ElectroGas Ltd tiffinanzja l-proġett deher l-ewwel darba f’nofs l-2014, meta sar evidenti li biex l-ElectroGas Ltd tikseb finanzjament, is-Security of Supply Agreement (SSA), li permezz tiegħu l-Gvern kellu jassumi r-rwol tal-Enemalta f’ċerti ċirkustanzi, kellu jkun fis-seħħ. Sakemm il-Kummissjoni Ewropea kkunsidrat l-SSA f’termini ta’ għajnuna mill-Istat, il-Gvern ta lkunsens biex tinħareġ garanzija biex tassisti l-ElectroGas Ltd. Garanziji relatati mas-self temporanju tal-ElectroGas Ltd ta’ €110,000,000, aktar tard miżjud għal €450,000,000, inħarġu mill-Gvern. Għal din il-faċilità, l-ElectroGas Ltd ħallset’il fuq minn €11,000,000. Wara l-approvazzjoni tal-Kummissjoni, daħal fis-seħħ l-SSA, li wassal għal għeluq finanzjarju f’Jannar 2018, wara l-ħlas tas-self temporanju tal-ElectroGas Ltd u r-rilaxx tal-Gvern minn garanziji maħruġa.
‘Konferma li l-għażla tal-ElectroGas kienet l-aktar waħda vantaġġuża’ - Konrad Mizzi
Il-Ministeru għall-Enerġija u l-Ilma saħaq li minkejja li r-Rapport tal-Awditur Ġenerali dwar il-kuntratt tal-ElectroGas, isemmi nuqqasijiet żgħar amministrattivi, “jikkonferma li l-għażla tal-konsorzju ElectroGas kienet l-aktar waħda vantaġġuża u l-aktar għażla rħisa għall-konsumaturi.”
Fi stqarrija b’reazzjoni għal dan ir-rapport, il-Ministeru qal li jilqa’ l-konklużjonijiet tal-Awditur Ġenerali li jikkonfermaw li l-power station tal-gass kienet neċessarja għall-pajjiż.
Insista li minkejja li l-allegazzjonijiet “bla bażi” tal-Oppożizzjoni, l-Awditur Ġenerali kkonferma li l-kuntratt intrebaħ b’mod ġust fi proċess kompetittiv bl-aktar mod trasparenti.
Fakkar li dan il-proċess kien skrutinizzat ukoll u approvat mill-Kummissjoni Ewropea li ma sabet l-ebda kunflitt ta’ interess.