Illum għall-ħabta tal-11:30 a.m, il-Pulizija ġiet infurmata b'inċident fi Triq ir-Repubblika ġewwa r-Rabat Għawdex.
Il-Pulizija tad-Distrett marru fuq il-post, fejn minn stħarriġ preliminari rriżulta li waqt li mara ta’ 26 sena kienet qegħda tirriversja l-karozza din laqtet żewġ nisa ta’ 84 sena u 67 sena, residenti l-Qala u x-Xagħra rispettivament.
Il-mara li kienet qegħda ssuq il-karozza tgħix ir-Rabat, Għawdex.
Iż-żewġ nisa ttieħdu l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex għall-assistenza medika, fejn il-mara ta’ 84 ġiet iċċertifikata li qed issofri minn ġrieħi ħfief filwaqt li l-mara ta’ 67 sena, qed issofri minn ġrieħi gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.