Il-General Workers’ Union (GWU) permezz tat-taqsima GWU Professjonisti, Finanzi u Servizzi tinsab f’tilwima industrijali ma’ Transport Malta wara li ma kien hemm l-ebda żvilupp b’rabta ma’ diskriminazzjoni fl-għoti ta’ allowances. Għal din ir-raġuni it-taqsima ordnat biex mil-lum jidħlu fis-seħħ numru ta’ direttivi lill-imsieħba tagħha fil-Merchant Shipping Directorate u fil-Vessel Traffic Servcices.
Il-kwistjoni hija marbuta mal-fatt li ħaddiema kemm fil-Merchant Shipping Directorate, kif ukoll f'dipartimenti oħra, qed jirċievu diversi allowances, liema allowances huma marbuta ma’ prinċipji ċari u li l-istess allowances mhux qed jingħataw lill-ħaddiema membri tal-GWU. Għal din ir-raġuni l-GWU qed titlob li jitwaqqaf bord indipendenti biex jibda jinvestiga din l-anomalija li qed tirriżulta f’diskriminazzjoni bejn il-ħaddiema.
Is-Segretarju tat-taqsima GWU Professjonisti, Finanzi u Servizzi Charles Galea stqarr li l-unjin għamlet diversi tentattivi biex din is-sitwazzjoni tissolva, iżda kien kollu għalxejn: “Għaldaqstant ma kien fadal l-ebda triq oħra ħlief li l-GWU tagħti bidu għal dawn id-direttivi.”
Il-GWU għalhekk qed tistenna li l-amministrazzjoni ta’ Transport Malta tagħti widen għat-talbiet tagħha u tinnegozja biex tinstab soluzzjoni ġusta għal din is-sitwazzjoni