L-ekonomija Maltija qed tikber erba' darbiet aktar minn dik tal-UE

Ir-rata ta' tkabbir tal-ekonomija Maltija fit-tielet kwart tal-2018 kienet ta' 7.9%, wara Malta l-Polonja b'5.7%

Stqarrija tal-Eurostat tindika li fit-tielet kwart tal-2018 Malta rreġistrat l-ogħla tkabbir fil-ġid nazzjonali u fl-impjiegi fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea, dan meta kontra dak li ġara madwar l-Unjoni Ewropea, il-qagħda f’Malta kompliet titjieb filwaqt li fl-Unjoni Ewropea r-ritmu ekonomiku naqas.

Fl-Unjoni Ewropea t-tkabbir naqas minn 2.1% fit-tieni kwart għal 1.8% fit-tielet kwart, filwaqt li f’Malta kien hemm żieda minn 6.2% għal 7.9%. Minn sitwazzjoni fejn l-ekonomija Maltija kienet qed tikber bi tliet darbiet ir-rata osservata madwar l-Unjoni Ewropea, issa pajjiżna qed jikber b’erba’ darbiet ir-rata tal-medja Ewropea.

Fejn tidħol żieda fl-impjiegi, filwaqt li fl-Unjoni Ewropea kien hemm żieda ta’ 1.2%, f’pajjiżna ż-żieda kienet ta’ 4.9%, li jfisser li l-impjiegi f’Malta żdiedu wkoll b’erba’ darbiet ir-rata osservata fl-Unjoni Ewropea.

L-istqarrija tal-Eurostat tindika distakk qawwi bejn Malta u t-tieni l-aktar pajjiż bi tkabbir ekonomiku fit-tielet kwart. Filwaqt li f’Malta r-rata kienet ta’ 7.9%, it-tkabbir fil-Polonja kien 5.7%; l-istess fejn jirrigwardja t-tkabbir fl-impjiegi. Fit-tielet kwart tal-2018, meta mqabbel mal-istess żmien sena qabel, f’Malta l-impjiegi żdiedu b’4.9%. Fil-pajjiż bit-tieni l-akbar żieda fl-impjiegi, din laħqet 3.7% biss.

Il-Gvern fi stqarrija sostna li "Il-fatt li Malta mhux talli kellha l-akbar tkabbir fil-ġid nazzjonali kif ukoll fl-impjiegi, kif ukoll id-distakk dejjem jikber bejn dak li qed jiġri f’pajjiżna meta mqabbel mal-bqija tal-Unjoni Ewropea, jindika kemm ir-rizultati miksuba jirriflettu l-politika ekonomika tal-Gvern. Bil-mizuri meħudha fil-baġit, kif ukoll it-twettiq tal-pjan tal-Gvern, pajjiżna ser ikompli jgħix is-suċċess."

 

 

More in Politika