BIM Ltd, tiftaħ fabbrika ġdida ġewwa Ħal Far

Il-Ministru Cardona qal kif permezz ta’ dan l-investiment il-kumpanija se tkun kapaċi ttejjeb il-kompettitività tagħha u toħloq aktar opportunitajiet ta' impjiegi

Il-Ministru Chris Cardona waqt il-ftuħ tal-fabbrika | Ritratt DOI
Il-Ministru Chris Cardona waqt il-ftuħ tal-fabbrika | Ritratt DOI

Il-kumpanija BIM Ltd fetħet il-fabbrika ġdida tagħha wara li ġiet irrilokata mill-Marsa hekk kif beda l-proġett tal-Marsa Junction. It-twaqqigħ tal-fabbriki kien jifforma l-ewwel fażi tal-proġett.

Fid-diskors tal-inawgurazzjoni tal-fabbrika ġdida, il-Ministru għall-Ekonomija, l-Investiment u n-Negozji ż-Żgħar Chris Cardona qal kif permezz ta’ dan l-investiment il-kumpanija se tkun kapaċi ttejjeb il-kompettitività tagħha u toħloq aktar opportunitajiet ta’ mpjieg. L-impjant il-ġdid jaħdem biss bil-gass u għalhekk huwa ferm aktar nadif u b’rata ta’ emissjonijiet li hija baxxa ħafna. Dan huwa f’kuntrast qawwi mal-fabbrika fil-Marsa li kienet taħdem bid-diesel u għalhekk kienet tikkawża ħafna dħaħen u tniġġis fl-arja.

“Dan huwa pass importanti għaliex huma sforzi bħal dawn li qed jgħinuna ntejbu l-kwalità tal-arja speċjalment fin-naħa ta’ isfel ta’ Malta. Grazzi għall-avvanzi fit-teknoloġija u anke għaliex qed nippruvaw nrawmu kultura tan-negozju li hija aktar sostenibbli, qed naraw aktar kumpaniji jimplimentaw sistemi favur l-ambjent.”

Il-Ministru Cardona fakkar li s-settur privat li kien fiċ-ċentru tas-suċċess ekonomiku li qed jesperjenza pajjiżna, u f’dawn l-aħħar snin qed ikompli jinvesti iktar minn qatt qabel. “Aħna bħala gvern nistgħu biss niffaċilitaw il-ħajja tan-negozji u nappoġjawhom fejn nistgħu meta jaslu għall-pass li jmiss għan-negozju tagħhom”, saħaq il-ministru.

 

More in Politika