Nuqqas ta’ dokumentazzjoni dwar €12-il miljun mogħtija f’kumpens lil uffiċjali pubbliċi
…dan fost nuqqasijiet oħra li jsemmi r-rapport tal-Awditur Ġenerali fir-rigward ta’ dokumentazzjoni dwar pagamenti ta’ kumpens mogħtija lil uffiċjali li jaħdmu fis-servizz pubbliku
minn Yendrick Cioffi
Ir-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar il-Kontijiet Pubbliċi għas-sena 2017 identifika għadd ta’ nuqqasijiet fejn tidħol dokumentazzjoni dwar pagamenti ta’ kumpens li ngħataw lil dawk l-uffiċjali tas-servizz pubbliku li jkunu sofrew inġustizzja.
Fost oħrajn, ir-rapport tal-Awditur Ġenerali ma sab l-ebda dokumentazzjoni dwar sitt pagamenti li jammontaw għal €12,153,941 li l-Ministeru għall-Finanzi għadda lil erba’ entitajiet tal-Gvern li taw kumpens lil uffiċjali.
Fil-fatt, l-uffiċċju tal-Awditur Ġenerali ma sab l-ebda dokumentazzjoni dwar l-uffiċjali li rċevew il-kumpens u dwar l-ammont li kienu intitolati għalih.
Is-sena li għaddiet, għal dan l-għan, il-Gvern ħareġ €12,851,791. Dan ifisser li għal 94.6% ta’ dan l-ammont, l-Awditur Ġenerali ma sabx biżżejjed dokumentazzjoni.
Iżda r-rapport ma jiqafx hawn. Ibbażat fuq id-dokumentazzjoni li tinżamm mill-Ministeru għall-Finanzi, l-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali ma sabx evidenza li €12,419,943 effettivament għaddew mill-Ministeri jew mid-Dipartimenti rispettivi għal għand dawk l-uffiċjali intitolati għall-kumpens.
Jgħid ukoll li anke jekk skont il-Ministeru għall-Finanzi kopja tad-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Ilmenti (Grievance Board) tintalab qabel jagħti lura lill-Ministeri jew lid-Dipartimenti, fil-każ ta’ tliet pagamenti, li jammontaw għal €17,000, kopja ta’ dawn id-deċiżjonijiet baqgħu ma nstabux.
Għalhekk, jikkonkludi r-rapport, minħabba n-nuqqas ta’ dokumentazzjoni, l-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali ma kienx f’pożizzjoni li jivvalida l-ammonti.
Kien għalhekk li r-rapport saħaq li għandu jkun hemm dokumentazzjoni ċara dwar kull flus mogħtija u maħruġa mill-Ministeru għall-Finanzi, liema dokumentazzjoni tipprova li l-kumpens jkun awtorizzat u nħareġ mill-entità rispettiva, bl-għan li jkun żgurat li l-fondi allokati jkunu qed jintużaw għall-iskopijiet intenzjonati.
U kif wieġeb il-Ministeru?
Min-naħa tiegħu, il-Ministeru għall-Finanzi wieġeb li dawn it-tranżazzjonijiet inkwistjoni huwa dwar rimbors mill-Ministeru għall-Finanzi lid-diversi Ministeri u Dipartimenti li ħadu ħsieb iħallsu l-kumpens lill-ammont kbir ta’ benefiċjarji.
Spjega kif dawn il-pagamenti jinħarġu direttament mill-Ministeru u D-Dipartimenti skont il-Baġit approvat mill-Ministeru għall-Finanzi u bbażati fuq dokumentazzjoni li huma obbligati li jżommu.
Kompla jisħaq li din id-dokumentazzjoni tingħata lill-Ministeru għall-Finanzi kull meta tintalab jew ikun hemm bżonn.
Madanakollu, il-Ministeru assigura lill-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali li l-pagamenti li se jingħataw fil-futur se jkunu akkumpanjati minn kopji tad-dokumenti kollha miġbura mill-Ministeri u d-Dipartimenti mill-Ministeri u d-Dipartimenti rispettivi, anke f’dawk il-każi li jinvolvu numru kbir ta’ benefiċjarji.
…aktar pagamenti fl-għama
Iżda l-Awditur Ġenerali ma jiqafx hawn. Isemmi wkoll rimbors ta’ €21,891 li l-Ministeru għall-Finanzi għadda lid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, wara Deċiżjoni tal-Bord li iżda falliet milli tindika l-ismijiet tal-uffiċjali li rċevew il-kumpens.
Għalhekk, l-Awditur Ġenerali ma setax jivvalida l-ammont hekk kif ma kienx f’pożizzjoni li jistabbilixxi jekk l-uffiċjali li rċevew il-pagamenti kinux verament eliġibbli għall-kumpens.
…u diskrepanzi fil-pagamenti
Ir-rapport isemmi wkoll diskrepanzi f’kumpensi li ngħataw mill-Ministeru għat-Turiżmu.
Tul is-sena li għaddiet, total ta’ €265,000 f’rimbors għaddew mill-Ministeru tal-Finanzi għal għand il-Ministeru għat-Turiżmu wara kumpens li ngħata lil diversi uffiċjali. L-Awditur Ġenerali ġibed l-attenzjoni dwar żewġ każi:
Skont deċiżjoni tal-bord, uffiċjal kellu jingħata kumpens ta’ €3,000, li €1,500 minnhom kienu diġà ngħataw. Madanakollu, dan l-ammont ma kienx imnaqqas u l-uffiċjal irċieva l-ammont totali.
Mill-banda l-oħra, uffiċjal ieħor kellu jingħata €4,500 iżda ngħata kumpens ta’ €3,000. Mill-informazzjoni mogħtija, l-Awditur Ġenerali ma setax jikkonferma jekk id-differenza kinitx imħallsa jew le.
Kien għalhekk li r-rapport jisħaq li l-Ministeru għall-Finanzi għandu jassigura li r-rimbors li jgħaddi lill-Ministeri u lid-Dipartimenti jkunu jirriflettu l-ammont ta’ kumpens li jkun effettivament ingħata. Saħaq li jekk ikun hemm inkonsistenzi, għandha tinġibed minnufih l-attenzjoni u tingħata ġustifikazzjoni.
Jagħti wkoll kumpens mhux relatat
L-aħħar nuqqas li tagħmel aċċenn għaliha din il-parti tar-rapport huwa dwar kumpens li ngħata mill-Ministeru għall-Finanzi meta dan il-kumpens kellu jingħata mill-Ministeru għall-Ġustizzja, il-Kultura u l-Gvern Lokali.
Il-każ imur lura għall-2014 meta l-Avukat Ġenerali kien irrakkomanda li individwu jingħata kumpens ta’ €23,300 taħt ir-Regolamenti dwar Skema għal Kumpens għal Ħsara Kkawżata mill-Kriminalità, liema skema hija amministrata mill-Ministeru għall-Ġustizzja skont Baġit allokat apposta għaliha.
Minkejja dan, dan l-individwu tħallas lill-Ministeru għall-Finanzi permezz tal-‘Compensation Payments Line Item.’
Apparti minn hekk, l-Avukat Ġenerali kien issuġġerixxa li l-pagament għandu jkun suġġett għal numru ta’ kundizzjonijiet u li għandu jsir kuntratt pubbliku. Minkejja dan, l-Awditur Ġenerali ma sab l-ebda traċċa ta’ dan il-kuntratt
Kien għalhekk li r-rapport jisħaq li għandu jkun assigurat li l-kumpens jingħata mill-fondi ġusti u li kwalunkwe kundizzjonijiet li suppost ikunu imposti fuq il-pagament ta’ kumpens għandhom ikunu mħarsa.
Intant, is-Sezzjoni tal-Kontijiet fi ħdan il-Ministeru għall-Finanzi rrikonoxxew dan l-iżball u saħqu li ma kinux jafu li l-fond inkwistjoni kien amministrat mill-Ministeru għall-Ġustizzja.
Saħqu li dan kien każ iżolat u li se jassiguraw li fil-futur il-pagamenti jitħallsu mill-fond it-tajjeb.