Wara li l-ajruport ta’ Gatwick kellu jingħalaq għal aktar minn ġurnata minħabba drones li deheru jtiru fuq ir-runway, il-Linja Nazzjonali tal-Ajru, l-Air Malta, ħadet ħsieb tagħmel arranġamenti biex il-passiġġieri tagħha ma jkunux affetwati.
Għaldaqstant, wara laqgħa urġenti li saret nhar il-Ħamis li għadda, minflok ħasret it-titjiriet tagħha lejn Gatwick, sabet soluzzjonijijiet għall-passiġġieri tagħha.
Il-linja tal-ajru biddlet il-bookings kollha tal-klijenti tagħha li kellhom jieqfu Gatwick, għal fuq titjiriet oħra lejn Heathrow f’Londra.
Mill-banda l-oħra, għal dawk li kellhom iħallu Gatwick għal Malta, l-Air Malta sabitilhom postijiet fuq titjiriet oħra tagħha u anke fuq ajruplani ta’ linji tal-ajru oħra.
Sa ftit tal-ħin wara, 80% tal-passiġġieri kollha kienu infurmati b’dawn l-arranġamenti.
Biex tlaħħaq mad-domanda u d-dewmien, ilbieraħ l-Air Malta ddeċidiet li topera żewġ titjiriet għal Southend Airport biex ħadd ma jitlef it-titjira.
Intant, il-Pulizija f’Londra arrestat żewġt persuni, raġel u mara, li x’aktarx kellhom x’jaqsmu ma’ dan il-każ.
L-ajruport reġa’ infetaħ wara li ġew affettwati aktar minn 140,000 passiġġier.