'Il-poteri tal-President ma għandhomx jikbru'
Wara r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja dwar l-irwol tal-President f’Malta, il-gazzetta ILLUM tistaqsi lill-President Emeritu Ugo Mifsud Bonnici
minn Yendrick Cioffi
“Sakemm il-President jibqa’ jiġi magħżul bil-vot biss tal-Parlament, ma naqbilx li l-poteri tal-President jikbru.” Hekk stqarr mal-gazzetta ILLUM, il-President Emeritu Ugo Mifsud Bonnici meta tlabnieh jirreaġixxi għar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja dwar l-irwol tal-President f’Malta.
Kieku wieħed kellu jagħsar ir-rapport ta’ din il-Kummissjoni konsultattiva tal-Kunsill tal-Ewropa, l-esperti legali li jiffurmawha saħqu li f’Malta hawn nuqqas ta’ sistema ta’ “bilanċ u kontrolli,” jiġifieri sistema li tiskrutinizza u tistaqsi d-deċiżjonijiet tal-Gvern, partikolarmant dawk tal-Prim Ministru.
Fost ir-rakkomandazzjonijiet li tagħmel, il-Kummissjoni Venezja ssemmi wkoll il-President tar-Repubblika u tisħaq li dan ma għandux biżżejjed “poteri” biex iservi bħala “attur effettiv f’sistema ta’ bilanċi u kontrolli.”
Għaldaqstant tisħaq li l-irwol tal-President ma għandux jibqa’ biss wieħed “ċerimonjali,” iżda l-irwol tiegħu, għandu jissaħħaħ biex flimkien ma’ awtoritajiet oħra jiskrutinizza u jistaqsi l-poter tal-eżekuttiv.
X’qal ir-rapport tal-Kummissjoni Venezja dwar l-Uffiċċju tal-President?
Fost affarijiet oħra, l-esperti legali jisħqu li filwaqt li l-President Malti jista’ jservi bħala awtorità morali, l-irwol tiegħu jiddependi wisq fuq il-Prim Ministru, b’mod partikolari fejn jidħlu ħatriet importanti fil-pajjiż.
Għalhekk, il-Kummissjoni tibda tagħmel diversi rakkomandazzjonijiet.
Fost dawn tisħaq li l-ewwel pass għandu jkun li l-President jibda jiġi elett b’maġġoranza kkwalifikata fil-Parlament, jiġifieri mhux b’maġġoranza sempliċi (51%).
Aktar importanti minn hekk, ikomplu jisħqu l-esperti legali, huwa li l-President tar-Repubblika jkun jista’ jitneħħa biss b’maġġoranza kkwalifikata wkoll. Dan, skont ir-rapport, isaħħaħ l-indipendenza li biha jaħdem il-President.
Iżda r-rapport ma jiqafx hawn. Jisħaq li s-separazzjoni tal-poteri tal-President u tal-Prim Ministru tista’ tissaħħaħ ukoll jekk il-Prim Ministru ma jibqax responsabbli minn ċertu ħatriet, bil-President jaġixxi biss fuq il-parir tiegħu.
Fost affarijiet oħra, ir-rapport jagħti attenzjoni partikolari lill-ħatriet fil-ġudikatura. L-esperti legali jisħqu li l-Kumitat għall-Ħatriet fil-Ġudikatura għandu jkun unikament responsabbli minn dawn il-ħatriet, inkluż il-kariga importanti tal-Prim Imħallef u jkun dan l-istess Kumitat li jipproponi l-ismijiet tal-kandidati direttament lill-President.
“Dan il-metodu ta’ ħatriet fil-ġudikatura jikkontribwixxi ħafna għas-separazzjoni tal-poteri u l-indipendenza tal-ġudikatura,” ikomplu l-esperti.
Propju għalhekk li fil-konklużjoni tar-rapport, il-Kummissjoni Venezja tisħaq li l-pożizzjoni tal-President għandha tissaħħaħ billi dan jingħata aktar poteri biex ma jibqax jaġġixxi biss fuq il-parir tal-Prim Ministru. Jisqħu li l-President għandu jkollu rwol aktar ċentrali f’ħatriet importanti, mingħajr l-intervent tal-Prim Ministru.
X’jaħseb Ugo Mifsud Bonnici dwar dawn ir-rakkomandazzjonijiet?
Fid-dawl ta’ dawn il-konklużjonijiet dwar l-Uffiċċju tal-President u l-irwol importanti li skont il-Kummissjoni Venezja għandu jkollu min jokkupa din il-kariga, il-gazzetta ILLUM talbet ir-reazzjoni tal-Presidenti Emeriti George Abela u Ugo Mifsud Bonnici.
Il-President Emeritu George Abela wieġeb li ma jixtieqx jikkummenta anke għax il-President preżenti qed tmexxi l-Kumitat dwar ir-Riforma Kostituzzjonali, wegħda tal-Partit Laburista għal din il-leġiżlatura.
Min-naħa tiegħu, il-President Emeritu Mifsud Bonnici bagħtilna t-tweġibiet tiegħu bil-miktub.
1. Taqbel li l-irwol tal-President ta’ Malta ma għandux jibqa’ biss wieħed ‘ċerimonjali’ iżda għandu jingħata aktar poteri biex ma jibqax jaġixxi dejjem fuq il-pariri tal-Prim Ministru?
L-irwol tal-President ta’ Malta mhux, lanqas illum, sempliċiment ċerimonjali. Hemm xi materji li fuqhom il-kunsens tiegħu jew tagħha huwa ‘awtonomu’ u determinanti: b’eżempju, il-kunsens għal-liġijiet mgħoddija mill-Parlament. Hemm ukoll deċiżjonijiet oħra li l-President jieħu ‘awtonomament’, u dawn spjegajthom fil-ktejjeb tiegħi ‘Il-Manwal tal-President tar-Repubblika’.
Ma naqbilx li l-poteri tal-President jikbru, sakemm il-President jibqa’ jiġi magħżul bil-vot biss tal-Parlament. Jekk il-President jiġi elett mill-poplu, jkun jixraqlu s-setgħat eżekuttivi. Iżda l-elezzjoni popolari twassal, wara kampanja elettorali, għal elezzjoni partiġġjana wisq.
Naħseb li l-qagħda tal-lum tagħti lill-President awtorità biżżejjed biex jeżerċita bilanċ. Jekk il-President ikollu setgħat eżekuttivi jkunu meħtieġa setgħat oħra ta’ kontroll. Min ikollu setgħa eżekuttiva jkollu jagħti rendikont, u jirċievi l-kritika.
2. Jekk iva, taqbel li l-President ikun “attur f’sistema ta’ bilanċ u kontroll” kif tipproponi l-Kummissjoni?
Il-Kummissjoni ta’ Venezja hawnhekk qed taħseb f’sistemi differenti minn dik li aħna, bħala pajjiż, addottajna fl-1964 u kkonfermajna fl-1974, fuq il-mudell tal-Gran Brittannja. Għalkemm xi żbalji saru, inġenerali, il-Kostituzzjoni ħadmet tajjeb, għaliex hija mibnija fuq kunsens bejn il-partiti dwar il-prinċipji u l-metodi.
3. X’inhuma l-vantaġġi jew l-iżvantaġġi li tista’ ġġib magħha din ir-rakkomandazzjoni implimentata tal-Kummissjoni Venezja?
Sal-lum, kull President, ibda minn Sir Anthony Mamo u kompli sal-preżenti, malli ħa l-kariga nqata’ mill-partit li kellu jew kellha, ħass ruħu indipendenti u aġixxa hekk. Ma tantx ikun faċli li jinqata’ ’l fuq jekk ikun ġie elett wara kampanja elettorali, f’kontestazzjoni. Il-Presidenti ġew eletti mill-Parlament jew bi qbil, jew billi l-maġġoranza tal-Kamra tad-Deputati tieħu r-responsabbilità tad-deċiżjoni, waqt li l-Oppożizzjoni jew tastjeni jew sempliċement turi d-distakk tagħha.
L-ebda Presidenza, lanqas ta’ dawk li fuqhom ma kienx hemm qbil, ma ġabet kontestazzjoni diviżiva. Il-bojkott li sar mill-Oppożizzjoni Laburista lill-President Ċensu Tabone ma ġiex sostnut fit-tul.
4. Taqbel li l-President għandu jibda jkun elett jew inkella jitneħħa mill-pożizzjoni tiegħu b’maġġoranza kkwalifikata fil-Parlament
Naqbel li qabel jintgħażel President, il-maġġoranza għandha tfittex ftehim ma’, jew kunsens mill-Oppożizzjoni. Il-President jirrappreżenta l-għaqda tan-nazzjon u m’għandux ikun figura diviżiva. Il-politiċi li ntgħażlu s’issa biex iservu bħala Presidenti għarfu l-importanza ta’ dan.
Il-pajjiż tagħna dejjem ikollu nies imnejn tagħżel, fil-politika stess jew anki barra minnha, li jistgħu jservu sewwa lir-Repubblika tagħna. Dejjem ikunu meħtieġa l-għaqal u l-ftehim, anki jekk mhux formali.
Jaqbel li biex President jitneħħa, ikun hemm maġġoranza kkwalifikata. Dwar l-elezzjoni b’maġġoranza kkwalifikata, ġieli ġara li biex tintlaħaq ikun hemm jew trattativi li ma jixirqux, jew telf ta’ żmien u kriżi.
Mill-esperjenza tiegħi, l-aħjar għażliet isiru wara konsultazzjonijiet u intiżi.