Jinbena mill-ġdid iċ-ċentru ta’ riabilitazzjoni mid-droga Santa Marija
Ix-xogħol sar b’investiment ta’ madwar €80,000 biċ-ċentru diġà qed jgħixu fih ir-residenti
More in Politika
Ix-xogħol sar b’investiment ta’ madwar €80,000 biċ-ċentru diġà qed jgħixu fih ir-residenti
Waqt ċerimonja f’Ħal Farruġ ġie inawgurat Komunità Santa Marija, ċentru ta’ riabilitazzjoni mid-droga fejn il-post inbena kompletament mill-ġdid biex jaqdi tajjeb l-irwol tiegħu.
Ix-xogħol sar b’investiment ta’ madwar €80,000.
Waqt l-inawgurazzjoni, il-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon faħħar lill-istaff kollu, lill-ħaddiema li ħadmu fuq dan il-proġett kif ukoll lit-18-il resident li ħadmu biex trasformaw dan iċ-ċentru f’residenza adattata.
F’dan iċ-ċentru diġà qed jgħixu fih ir-residenti u ta’ kuljum isegwu programmi ppjanati għall-esiġenzi tagħhom bil-għan li joħorġu mill-vizzju tad-droga.
S’issa huma biss residenti rġiel li qed jgħixu fih iżda hemm il-ħsieb li jidħlu anke residenti nisa.
Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Michael Falzon qal li l-Gvern se jkompli jieħu rwol attiv biex joħloq aktar għarfien serju dwar il-problema tad-droga li anke tinsab fost adoloxxenti ta’ bejn it-tnax u s-sittax-il sena.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għall-Ħarsien tas-Servizzi Soċjali Alfred Grixti qal li fejn jidħlu servizzi hemm mira għolja għax il-fondazzjoni trid tkun l-aqwa f’dan il-qasam.
Dan iċ-ċentru ta’ riabilitazzjoni hu wieħed miċ-ċentri ta’ riabilitazzjoni tad-droga mmexxija mill-Fondazzjoni għall-Ħarsien Soċjali (FSWS) permezz ta’ Aġenzija Sedqa.