Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia wissa illi se jkun qed jieħu passi kontra dawk li, skontu, qed jieħdu vantaġġ mill-ħajja personali tiegħu għal skopijiet politiċi.
Fuq Net FM dalgħodu Delia sostna illi hu mhux se jikkummenta dwar is-separazzjoni tiegħu, hekk kif kien maħluf quddiem il-Qorti bejnu u Nikki De Fremaux. Huwa kien qed jirreaġixxi għal dokumenti u awdjo ta' argumenti privati li kellu ma' De Fremaux u li spiċċaw iduru fuq il-midja soċjali.
Huwa qal illi se jirreżisti "attentati malizzjużi" biex materji privati jinbidlu f'materji politiċi. Delia qal illi se jsib min huma dawk li qed jippruvaw jagħmlu dan u li jekk ikun hemm bżonn jikkunsidra li jieħu azzjoni kontrihom. Huwa ma elaborax aktar dwar dan il-punt.
"Il-ġlieda tiegħi se tkompli u se nkompli niġġieled b'konvinzjoni akbar għalija, għall-uliedi u għal pajjiżi."
"Irrid nirringrazzja lill-ħafna Maltin u Għawdxin li wrew solidarjetà qawwija miegħi f'dawn l-aħħar ġranet," temm jgħid Adrian Delia.