Analiżi 2018 | Politika; Min tela', niżel, tneħħa jew kien arrestat

Is-sena 2018 għal Joseph Muscat, Adrian Delia, Ian Borg, Ali Sadr Hasheminejad, Silvio Schembri, Konrad Mizzi, l-Kummissarju tal-Pulizija u oħrajn

Is-sena 2018 issa verament waslet fit-tmiem. Fl-aħħar ftit sigħat ta’ din is-sena, il-gazzetta ILLUM se tagħti ħarsa lejn dik illi tista’ tqis bħala waħda ‘kwieta’ lokalment ikkumparata mas-snin ta’ qabel. L-2015 kienet iddominata mill-iskandlu tal-Panama u l-2017 mill-elezzjoni ġenerali u l-bidla fit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista. Dan kollu għamel din is-sena li se nispiċċaw pjuttost ‘kalma’ fuq il-front lokali.

Kif tagħmel kull sena, fl-aħħar Ħadd tas-sena, il-gazzetta ILLUM tagħti ħarsa lejn dawk in-nies – politiċi, personalitajiet mid-dinja ta’ divertiment u anke sportivi  -  li għamlu suċċess u telgħu skaluna jew tnejn kif ukoll dawk li żgarraw u allura niżlu ’l isfel.

Il-PM Muscat ma' martu Michelle u uliedu fi Brisbane., l-Awstralja
Il-PM Muscat ma' martu Michelle u uliedu fi Brisbane., l-Awstralja

Joseph Muscat – Tela’: ekonomija tgħollih u l-Panama tgħollih u tbaxxih

 Fil-fatt il-Prim Ministru ilu ‘tiela’’ sa minn mindu nħatar mexxej Laburista fl-2008. Tajjeb jew ħażin, tħobbu jew tobgħodu Muscat baqa’ figura politika popolari mal-Maltin u b’mod speċjali maħbub (u kważi meqjum) mil-Laburisti. Din hija s-sena ta’ wara elezzjoni ġenerali li Muscat rebaħ bi kważi 40,000 vot u allura b’distakk storiku wara distakki favurih ta’ aktar minn 30,000 vot sa mill-2009. 10 snin wara li ħa t-tmexxija wieħed kien jistenna illi din tkun is-sena illi fiha Muscat jibda nieżel fil-popolarità u jieħu dik iż-żelqa jew tnejn li tibda tagħmlu inqas popolari. Dan ma jidhirx li qed jiġri s’issa u l-2018 ikkonsolidat din ix-xejra.

L-2018 hija s-sena li fiha kienu ppubblikati l-konklużjonijiet tal-inkjesta Egrant, għalkemm mhux ir-rapport kollu tal-inkjesta. Il-konklużjonijiet huma ċari kif kienet żvelat l-ILLUM li se jkunu (u l-PN qal li kienet ‘fake news’); Egrant mhijiex ta’ Michelle jew ta’ Joseph Muscat, m’hemmx kont ta’ Egrant fil-Bank Pilatus u m’għaddew ebda miljun dollaru ġejjin mill-Ażerbajġan għal dan il-kont.

Dan l-iżvilupp ta aktar saħħa lil Muscat fuq l-aktar kwistjoni taħraq fl-aħħar snin fil-politika Maltija. Fil-fatt din il-kwistjoni kienet bħal mannara lesta biex taqa’ fuq ras xi ħadd żgur u fejn se taqa’ se tweġġa’. U hekk ġara. Tant hu hekk, illi apparti li Muscat issaħħaħ, il-konklużjonijiet tar-rapport, mill-Maġistrat Aaron Bugeja, dgħajfu lill-PN u qasmu lill-Grupp Parlamentari tiegħu.

Il-fatt jibqa’ iżda li r-rapport mhuwiex pubbliku fl-intier tiegħu u naturalment, anke jekk l-affarijiet jippuntaw lejn l-innoċenza tal-familja Muscat mhux lejn il-ħtija, jibqgħu d-dubji. Primarjament; jekk mhux ta’ Muscat, mela ta’ min kienet Egrant, li nfetħet flimkien mal-kumpaniji Tillgate u Hearnville ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri rispettivament?

Muscat naturalment jibqa’ popolari minħabba t-tkabbir ekonomiku. Il-fatt li Malta qed tesperjenza tkabbir bla preċedent ifisser li minkejja akkużi gravi ta’ korruzzjoni u ħasil ta’ flus, porzjon kbir tal-poplu jippreferi lil Muscat bħala Prim Ministru għax jara fih dawk ‘il-par idejn sodi’ fuq it-tmun.

Dan ma jfissirx li ma kellux mumenti xi ftit imbarazzanti. L-agħar żewġ mumenti tal-PM Muscat fl-2018 kienu meta pprova jiġġustifika l-kuntratt tal-VGH fil-bidu tas-sena u meta tfaċċaw aktar fatti dwar 17 Black lejn l-aħħar tas-sena.

Dwar il-VGH Muscat ma weġibx il-mistoqsijiet l-aktar kardinali, fosthom dwar min huwa s-sid, għalfejn il-kumpanija ma ntalbitx tagħti rendikont tal-flus kollha li ngħatat, għaliex tliet sptarijiet ingħataw b’xejn meta kien għadu kif sar investiment ta’ aktar minn €3 miljun fih, jekk kienx jaf b’deċiżjoni tal-Qorti tal-British Columbia kontra Ram Tumuluri, jekk il-VGH kisrux il-kuntratt, għalfejn ma kellhomx biżżejjed flus biex iħallsu lill-ħaddiema u kuntratturi u diversi mistoqsijiet oħrajn. L-istqarrija tal-Prim Ministru illi l-Gvern li jmexxi sab sptarijiet ‘mitluqin’ u hu se jirranġahom kien attentat fjakk biex il-mistoqsijiet (li anke din il-gazzetta staqsiet bosta drabi) ma jitweġbux.

It-tieni mument huwa aktar riċenti u allura meta l-PM sostna li Keith Schembri ma kellux jirriżenja għax investigazzjoni dwar 17 Black kienet qed issir dwar il-kumpanija u mhux il-persuna. Dan fid-dawl ta’ stqarrijiet ta’ Muscat fl-2017 illi f’żewġ ċirkustanzi differenti kien qal li  jġiegħel lil Schembri jirreżenja kieku tibda investigazzjoni kontrih. Dan kien mument partikolari illi fih Muscat deher (għall-ewwel darba b’mod iktar ovvju) qed jitqanżah u jdur mal-lewża biex jibqa’ jiddeċiedi li ma jiddeċidix dwar tnejn mill-aktar nies b’saħħithom fil-Gvern.

Adrian Delia, Kap tal-PN; ma tantx qed jinkwieta dwar l-elezzjonijiet tal-MEPs fl-2019...qal f'intervista mal-ILLUM
Adrian Delia, Kap tal-PN; ma tantx qed jinkwieta dwar l-elezzjonijiet tal-MEPs fl-2019...qal f'intervista mal-ILLUM

Adrian Delia: Tela’ – Sena diffiċli għal Delia, imma beda jirkupra

Il-konklużjoni tal-analiżi dwar Delia hija illi l-2018 kienet sena diffiċli għall-PN, li għadu lura sew fil-popolarità u li għadu qed isibha diffiċli biex jibni pontijiet ma’ settur ta’ Nazzjonalisti stess li għadhom ma jarawhx bħala persuna idonea biex tmexxi. Biex inkunu ġusti fl-aħħar sondaġġ Delia beda jirkupra xi ftit mit-telf tal-PN, imma dan l-irkupru huwa ta’ ftit konsegwenza meta tqis id-distakk bejn iż-żewġ partiti.

L-akbar żball, strateġikament, ta’ Delia fl-2018 kien meta ftit ħin biss wara li ħareġ ir-rapport dwar Egrant, hu neħħa lill-eks Kap tal-PN Simon Busuttil minn Kelliem tal-Governanza u talbu jirreżenja minn Deputat tal-PN. It-‘tilwima’ fil-pubbliku li segwiet, bejn mexxej u eks mexxej ta’ partit, għandha preċedent wieħed biss; dak tal-1998 meta l-eks PM Alfred Sant kien għajjar lill-eks PM Mintoff ‘traditur’. Politikament ħafna jiftakru x’sarraf dak l-avveniment għal-Labour: telf ta’ voti u snin fl-oppożizzjoni.

Il-pass ta’ Delia tefa’ l-melħ fuq ferita kbira u biex tikkumplika l-affarijiet kważi nofs il-Grupp Parlamentari tiegħu skjera ruħu ma’ Busuttil. Strateġikament allura, dan kien żball għax 1) Delia aljena u rrabja lil dawk id-Deputati li lilu għadhom mhux qed jarawh f’dawl pożittiv, 2) għax inkixfu differenzi serji li hemm fil-Grupp Parlamentari u 3) iddgħajfet il-pożizzjoni ta’ Delia bħala Kap, fil-preżent u anke għall-2019.

In-numri huma kontra Delia u jekk qatt kien hemm ‘underdog’ politiku huwa propju hu, b’sondaġġ wara ieħor juri differenzi enormi bejn iż-żewġ partiti, saħansitra differenzi li jaqbżu dawk tal-elezzjoni tal-2017.

Min-naħa l-oħra Delia, fit-tieni parti tas-sena, beda juri aktar fejn irid jieħu lill-partit u fuq liema kwistjonijiet irid jiġġieled lil Muscat. Delia jidher illi qed jieħu pożizzjoni li hija ħafna iktar xellugija fuq kwistjonijiet soċjali, qed jippożizzjona lilu nnifsu viċin in-nies u qed jinvesti ħafna fil-kwistjoni tal-barranin f’pajjiżna. Taqbel jew le, il-kwistjoni tal-barranin qed iddejjaq mhux ftit lil numru ta’ Maltin u barra minn xtutna qed twassal għal terremoti politiċi kbar. Delia qed jippożizzjona lill-PN fuq quddiem fil-kwistjoni tal-ħajja (IVF u abort) u wara l-aħħar konferenza ġenerali qed tingħata l-impressjoni li fil-partit għaddejja diskussjoni ħafna iktar wiesgħa dwar it-triq ’il quddiem u dwar miżuri u proposti.

Pożittiva wkoll hija l-kariżma ta’ Delia li b’għaqal qed jużaha biex jiġbed aktar simpatija lejh mill-pubbliku u anke l-midja. Fil-fatt Delia bena aktar pontijiet mal-votanti, inkluż dawk Laburisti li jarawh bħala ‘raġel sew’ u bħala kap li qed jiġġieled lill-aktar elementi fil-PN li jdejquhom.

Iżda s’issa s-simpatija tal-Laburisti/switchers mhux qed twassal għal voti. Fl-aħħar sondaġġ li sar mill-Kamra tal-Aħbarijiet tagħna jirriżulta li kien hemm żidiet żgħar favur Delia, b’total ta’ 29% tal-votanti jgħidu li jivvutaw PN kieku kellha ssir elezzjoni llum (48% - PL). Minkejja li huwa titjib, dan xorta huwa ’l bogħod wisq biex il-Partit Nazzjonalista jirkupra u oċeani ’l bogħod minn rebħa.

Kollox ma’ kollox, matul din is-sena Delia u l-PN għamlu progress, iżda l-progress se jkollu jkun bil-wisq akbar matul is-sena d-dieħla biex jidher xaqq ta’ dawl.

Il-Ministru Konrad Mizzi
Il-Ministru Konrad Mizzi

Konrad Mizzi – Baqa’ fejn kien: suċċessi u l-Panama

Il-Minstru Konrad Mizzi huwa wieħed minn dawk illi f’din l-analiżi se nħallu fl-istess post. La tela’ u lanqas niżel. U naraw għalfejn.

Wara li kiseb riżultat tajjeb fuq ir-raba’ distrett fl-2017 Mizzi kien maħtur Ministru tat-Turiżmu, kariga illi, jekk inħarsu biss lejn żewġ ċifri, qed jagħmel suċċess kbir fiha. L-ewwl nett Malta qed tesperjenza dik li probabilment se tkun sena rekord fit-turiżmu u dan jinħass, bin-numri ta’ turisti jbattu sew biss f’Novembru. Dan huwa tajjeb; tajjeb għal dawk l-oqsma li huma direttament marbutin mat-turiżmu (lukandi, skejjel tal-Ingliż, karozzini...) u dawk li mhumiex (restoranti, ħwienet tal-merċa, taxis, barijiet...). Mit-turiżmu jiekol kulħadd, u allura settur tat-turiżmu b’saħħtu jfisser Ministru tat-Turiżmu b’saħħtu.

 It-tieni nett, u forsi ħafna iktar sinifikanti, huwa li għall-ewwel darba fi 18-il sena l-Air Malta se tilħaq ‘break even’, jiġifieri la se tagħmel qliegħ imma lanqas telf. Dan ir-riżultat huwa sinifikanti ħafna għax jiġi wara snin ta’ telf qawwi u inċertezza kbira dwar il-futur tal-linja tal-ajru.

Minkejja s-suċċessi, xi żelqiet kien hemm ukoll primarjament il-bajja tal-Balluta li nistgħu ngħidu illi kienet ir-ramla bl-iqsar ħajja.

Imma li jinnewtralizza s-suċċessi ekonomiċi ta’ Mizzi mhix il-bajja tal-Balluta, imma l-Panama.

Mizzi jinsab maqbud f’kontroversja li donnha  qatt m’aħna se nisimgħu t-tmiem tagħha u allura ma’ dik relatata mal-kumpaniji fil-Panama, waħda minnhom tiegħu.

L-2018 kompliet titfa’ ħafna pressjoni fuq Mizzi hekk kif kien żvelat l-isem ta’ Yorgen Fenech bħala sid 17 Black. Dan anke jekk Mizzi qal li ma jaf xejn dwar 17 Black, li skont email minn Nexia BT hija ‘target client’ ta’ Tillgate u Hearnville u allura li kellha tgħaddi flus lil dawn il-kumpaniji. Emails juru illi f’17 Black daħħlu mal-€1.4 miljun, f’żewġ pagamenti, wieħed mill-Ażerbajġan u l-ieħor mill-aġent tal-LNG.

Ħareġ ukoll rapport tal-Awditur dwar il-proġett tal-Power Station li juri illi fil-proċess kien hemm ċerti nuqqasijiet.

Mizzi jibqa’ mdendel, sa ċerta punt, bejn is-suċċessi u l-kapaċitajiet amministrattivi tiegħu u l-kwistjoni tal-Panama. Kif tinqata’ l-investigazzjoni li għaddejja fuq 17 Black inkunu nafu d-destin definit ta’ Mizzi.

Ali Sadr Hasheminejad
Ali Sadr Hasheminejad

Ali Sadr Hasheminejad: Niżel – arrestat u l-Pilatus jingħalaq

L-akbar tisbita din is-sena ħadha Ali Sadr Hasheminjad u l-bank li fetaħ f’pajjiżna; il-Bank Pilatus. Għalkemm mhuwiex Malti, ħalla impatt fuq ix-xena politika lokali b’mod qawwi mhux biss għall-bank li fetaħ imma wkoll għall-allegazzjonijiet marbutin mal-istess bank, it-tip ta’ klijenti u lil min stieden fit-tieġ tiegħu.

L-Iranjan qed jiffaċċja sitt akkużi serji li jistgħu jarawh iqatta’ l-bqija ta’ ħajtu l-ħabs jekk jinstab ħati. Huwa kien arrestat fuq l-akkuża ta' konfoffa biex ikun frodat l-Istati Uniti, li għandha piena massima ta' ħames snin. L-akkuża dwar konfoffa li jikser l-IEEPA li għandha piena massima ta' 20 sena, dik ta' frodi tal-bank, b’piena massima ta' 30 sena, l-akkuża ta' konfoffa biex isir frodi tal-Bank, b’piena massima ta' 30 sena, dik ta' ħasil ta' flus b’piena massima ta' 20 sena u dik ta' konfoffa biex isir ħasil ta' flus, b’piena massima ta' 20 sena.

Sussegwentement tneħħiet il-liċenzja tal-Bank Pilatus, fuq it-talba tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u dan wara diversi kontroversji, fosthom dwar Egrant, kont li kellu Keith Schembri u kontijiet oħrajn tal-ogħla membri tal-Gvern tal-Ażerbajġan.

Sal-aħħar darba li din il-gazzetta żaret il-Bank, dan kien imsakkar u mgħasses.

Il-Bank Pilatus u Hasheminjed allura jistgħu jgħoddu l-2018 bħala waħda ħażina ħafna.

Il-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar
Il-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar

Kummissarju tal-Pulizija – fejn  kien – bejn intervent goff u qabdiet tad-droga

Il-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar huwa wieħed minn dawk in-nies li l-ġudizzju dwaru huwa iswed jew abjad, jiġifieri estrem.

Il-Kummissarju tal-Pulizija baqa’ jkun ikkritikat l-aktar fuq il-każ tal-Panama u allura l-akkuża hija li ma ħax azzjoni f’waqtha u li huwa pupu f’idejn il-Prim Ministru. Fl-2018 dawn l-akkużi tpoġġew f’kuntest akbar hekk kif lejn l-aħħar tas-sena, f’serje ta’ stejjer fuq The Times of Malta, irriżulta li investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar 17 Black għaddejjin. Storja fuq il-gazzetta oħt Maltatoday, turi kif anke l-allegazzjonijiet fil-każ ta’ Chris Cardona u l-allegat preżenza tiegħu ma’ akkużat bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, f’bar fis-Siġġiewi qed ikunu investigati. Fil-każ tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia l-affarijiet mexjin ħafna iktar bil-mod milli wieħed seta’ jaħseb, iżda xorta jibqa’ fatt li fl-2017 saru l-arresti ta’ tlieta minn nies.

Apparti dawn l-akkużi politiċi iżda, Cutajar kien ikkritikat ukoll fl-2018 għall-mod kif il-Pulizija intervjenew fil-każ ta’ protesta fil-binja tal-Awtorità tal-Ippjanar. Dakinhar, fuq filmat li dar sew fuq il-midja soċjali, il-Pulizija dehru jkaxkru dawk li kienu qed jipprotestaw ’il barra mill-binja. Naturalment din ma kinitx xena li għamlet wisq ġid għall-Korp, tant li l-PM Muscat qal lill-midja illi għamel kuntatt mal-Korp tal-Pulizija u wera ruħu ddiżappuntat bil-kbir għall-mod kif kienet indirizzata s-sitwazzjoni.

Il-protesta kienet kontra applikazzjoni biex tinbena pompa tal-petrol oħra u minħabba n-nuqqas ta’ azzjoni biex tinbidel il-politika tal-pompi tal-petrol.

Matul l-2018 iżda, il-Pulizija ffaċċjaw wieħed mill-akbar attakki fuq membru tagħhom stess. L-attakk fuq il-Kuntistabbli Simon Schembri, minkejja li kien episodju tat-tkexkix, għaqqad lil ħafna mill-poplu wara l-Korp bl-għajta ‘Blue Lives Matter’. Dan kien mument importanti mhux biss għall-Kummissarju imma għall-Korp tal-Pulizija kollu, hekk kif eluf ingħaqdu l-Belt biex juru solidarjetà mal-Pulzija.

Il-Pulizija iżda għamlu suċċess kbir ukoll fil-qbid tad-drogi, bl-ammont maqbud jirdoppja fl-ewwel disa’ xhur tas-sena.

Dan ifisser li l-ġudizzju dwar Cutajar jibqa’ fil-bilanċ. Minn naħa, l-immaġini tiegħu u l-abilità li jikkomunika mal-midja mhumiex tajbin.  Saru mistoqsijiet dwar kemm kien spedit fl-investigazzjoni fuq diversi stejjer politiċi kif ukoll dik l-imbierek ikla fniek waqt li kienu qed ikunu żvelati allegazzjonijiet xokkanti minn Daphne Caruana Galizia. Min-naħa l-oħra imma hemm is-suċċessi tal-Korp f’qabdiet tad-droga u l-popolarità tiegħu fost il-membri tal-Korp.

Sandro Chetcuti – Malta Developers Association (MDA)
Sandro Chetcuti – Malta Developers Association (MDA)

Sandro Chetcuti - niżel – ħafna qed iwaħħlu fih għat-tnaqqir tal-ambjent

Chetcuti sar ftit ta’ figura ta’ antipatija għal ħafna filwaqt li huwa figura pożittiva għal ħafna oħrajn.

Chetcuti jibqa’ ‘lobbyist’ eċċellenti u allura jimbotta l-aġenda tiegħu favur il-kuntratturi li jirrappreżenta b’effettività.

Minkejja dan, għal ħafna oħrajn, Chetcuti sar is-simbolu tar-rgħiba ta’ settur illi qed joħloq ħafna inkonvenjent, li qed ibiddel it-tessut tal-irħula tagħna u li qed jiekol mill-art prezzjuża ta’ artna. Apparti minn hekk is-settur, li joħloq ħafna impjiegi, qed iħaddem ħafna barranin u allura mhux darba jkunu akkużati li qed iħaddmu n-nies b’pagi baxxi. Bosta jarawh bħala persuna li huwa ‘wisq’ qrib il-poter u stqarrijiet fl-2018 bħal ‘Malta għandha ssir Monako oħra’ u ‘l-barranin jaħdmu b’mentalità ta’ 50 sena ilu’ attiraw kummenti ta’ kritika ħarxa lejn Chetcuti.

Kull darba li jgħid xi ħaġa naqra goffa tara serbut ta’ nies (anke Laburisti) jikkritikaw lil Chetcuti. Dan jista’ jkun sintomu tal-fatt illi minħabba raġunijiet ta’ lealtà politika, fuq l-ambjent ħafna jippreferu jimmiraw il-kanuni lejn Chetcuti milli lejn il-Gvern.

Minkejja li l-grupp ta’ nies li jirrappreżenta probabilment huma kuntenti se jtiru bih, matul l-2018 wieħed seta’ jinnota illi r-rabja lejh fuq il-midjasoċjali, żdiedet mhux naqset.

Is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri | Ritratt James Bianchi
Is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri | Ritratt James Bianchi

Silvio Schembri – tela’  - Blockchain f’Malta saret realtà

Sal-2017 konna diġà bdejna nisimgħu dwarha iżda fl-2018 smajna biha kważi l-ħin kollu; il-Blockchain. Jippilota dan il-qasam hemm Silvio Schembri, Segretarju Parlamentari għall-ewwel darba wara l-2017.

Malta tinsab l-ewwel post fid-dinja f’dak li jirrigwarda qafas legali illi fih ikun jista’ jopera dan is-settur u aktar kmieni l-imħuħ ta’ dan il-qasam iltaqgħu kollha fil-Malta Blockchain Summit.

Apparti dan, il-pajjiż beda jara l-frott ta’ din l-istrateġija ekonomika b’interess privat f’dan il-qasam fosthom mill-ġgant Binance li matul din is-sena ħabbar li se jkun qed jirriloka f’Malta.

Miriam Dalli, MEP
Miriam Dalli, MEP

Miriam Dalli- telgħet – waħda mill-politiċi li se jittrasformaw lill-UE, skont Politico

Miriam Dalli, il-Membru Parlamentari Laburista u kandidata probabli għat-tmexxija tal-Partit Laburista jekk il-PM Joseph Muscat jirreżenja, kellha s-sena 2018 tajba ħafna.

Matul din is-sena hija kienet innominata mill-Politico bħala waħda minn dawk li fuq livell Ewropew qed joħolmu u jwettqu u li se jkunu l-politiċi li jittrasformaw lill-Ewropa matul l-2019.

Dalli tinsab fit-tmien post f’din il-lista hekk kif matul l-2018 hi bniet alleanza politika fost partiti tax-xellug u l-ħodor biex jgħaddu miri aktar stretti dwar l-emmissjonijiet mill-Parlament Ewropew. Dan ifisser illi Dalli għelbet oppożizzjoni mill-akbar grupp fil-Parlament Ewropew, jiġifieri l-Partit Popolari Ewropew kif ukoll manuvri mill-industrija Ġermaniża tal-karozzi.

Il-Ministru Ian Borg | Ritratt: Ray Attard
Il-Ministru Ian Borg | Ritratt: Ray Attard

Ian Borg – tela’ – L-aktar Ministru popolari

Il-Ministru Ian Borg kellu sena tajba. L-ewwel nett huwa wieħed mill-aktar Ministri li x-xogħol tiegħu jidher, għax it-toroq jarahom u jgħaddi minn fuqhom kulħadd. Din is-sena beda jitlesta l-ewwel xogħol fuq Triq Aldo Moro u kompla l-bini u t-twessigħ ta’ diversi toroq oħrajn.

Borg kien ukoll, skont stħarriġ ippubblikat fuq il-gazzetta ILLUM, l-aktar Ministru popolari fost il-Maltin fl-aħħar parti ta’ din is-sena.

Borg, naturalment, għad għandu sfida waħda kbira u partikolari, jiġifieri dik li joħroġ bi pjan fattibbli għal trasport pubbliku alternattiv li Malta tant għandha bżonn. Dan ikun tassew it-test veru ta’ Borg fiż-żmien li ġej.

L-eks Sindku ta' San Pawl il-Baħar Graziella Galea
L-eks Sindku ta' San Pawl il-Baħar Graziella Galea

Graziella Galea; Niżlet – tneħħiet minn sindku tal-akbar lokalità

San Pawl il-Baħar hija l-akbar lokalità f’Malta u l-aktar waħda diffiċli biex tieħu ħsieb. Minkejja dan il-Kunsill Lokali ta’ din il-lokalità spiċċa f’nofs kontroversja u mifni b’inkwiet u battibekki interni.

Dawn il-battibekki laħqu l-qofol tagħhom f’mozzjoni biex titneħħa s-sindku Graziella Galea, wara li żewġ Kunillieri Nazzjonalisti saru indipendenti u Kunsillier Laburista rreżenja minħabba impjieg li ngħata mill-Gvern.

Galea, li hija wkoll bint l-eks Ministru Nazzjonalist Ċensu Galea, irreżenjat minn jeddha qabel il-vot. Il-Kap tal-PN Adrian Delia wera l-appoġġ tiegħu lejn Galea wara saga li ħalliet lil dan il-kunsill ma jistax jopera għal diversi ġimgħat.

Id-drama sħiħa ġibdet l-attenzjoni tal-midja bil-gazzetta ILLUM tkun fuq quddiem li tiżvela d-dettalji.

(Partijiet oħrajn tal-analiżi ippublikati fuq il-gazzetta ILLUM jkunu ippublikati fuq dan is-sit fil-jiem li ġejjin)

 

More in Politika