Il-Partit Demokratiku qed jipproponi lli l-president li jmiss għandu jkollu miegħu kunsill ta’ esperti li jagħtih pariri imparzjali, bil-għan li jkun jista’ jħares, jipproteġi u jiddefendi’ l-Kostituzzjoni.
Fi stqarrija, il-PD qal li Guido Demarco u George Abela kienu għamlu dan is-suġġeriment u issa wasal iż-żmien li dan jidħol fis-seħħ.
Apparti minn hekk, il-Partit Demokratiku qed jinsisti li qabel jispiċċa t-terminu ta’ Marie Louise Coleiro Preca, għandha ssir emenda Kostituzzjonali bil-għan li l-President jinħatar b’żewġ terzi tal-vot Parlamentari.
“Il-President tar-Repubblika għandha tkun figura li tgħaqqad u tiġi appuntata fl-interess nazzjonali u mhux fl-interess tal-partit fil-gvern,” insista l-Kap tal-PD, Godfrey Farrugia. “Jekk il-Prim Ministru jrid juri bil-fatti li jrid isaħħaħ id-demokrazija, mela huwa xieraq li l-President jiġi appuntat minn tal-inqas b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-Kamra tar-Rappreżentanti, u mhux b’sempliċi maġġoranza ta’ voti.”