Analiżi 2018 | Sena tajba għall-Arċisqof...mhux ħażin għall-President
Min tela' u min ħa tisbita l' isfel...tkompli l-analiżi tal-Gazzetta ILLUM
minn Albert Gauci Cunningham
L-Arċisqof Charles J Scicluna: Tela’ – Sena ta’ promozzjonijiet għall-Arċisqof
Għall-Arċisqof Charles J Scicluna din kienet bla dubju sena mill-aqwa hekk kif il-Papa Franġisku baqa’ juri fiduċja fih u fil-kapaċitajiet tiegħu biex imexxi ċerti oqsma u jinvestiga ċerti kwistjonijiet relatati mal-Knisja.
Fil-bidu tas-sena l-Papa kien ħatar lil Scicluna bħala l-persuna li tmur iċ-Ċilì u tinvestiga l-każ tal-Isqof Barros li allegatament ħeba atti kriminali sesswali ta’ Dun Fernando Karadima. Dan tal-aħħar kien instab ħati mill-Vatikan stess illi abbuża minn minorenni fl-2011. F’Ġunju ta’ din is-sena Scicluna reġa’ ntbagħat fl-istess pajjiż biex ‘jitlob għall-maħfra’ f’isem il-Knisja.
Imma mhux biss. Lejn l-aħħar tas-sena l-Papa reġa’ ta promozzjoni lill-Arċisqof hekk kif ħatru bħala Deputat Segretarju tal-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi tas-Santa Sede.
Din l-aħħar kariga qajmet ħafna diskussjoni b’din il-gazzetta saħansitra tagħmel analiżi dwar il-possibilitajiet li Scicluna jinħatar Kardinal, analiżi li kienet imxerrda fuq il-midja soċjali mill-paġna uffiċjali tal-Kurja stess.
Marie Louise Coleiro Preca; fejn hi - bejn suċċessi u kritika
Din kienet l-aħħar sena tal-Presidenza ta’ Marie Louise Coleiro Preca. Kienet sena mimilja suċċessi imma kontroversja wkoll għall-President ta’ Malta.
Suċċessi: Coleiro Preca baqgħet popolari ma’ firxa wiesgħa tal-poplu, ta’ persuni ta’ kull kulur politiku u kull sfond. Dan saħħaħ il-Presidenza tagħha li kienet ikkaratterizzata l-aktar minn stqarrijiet politiċi li kienu aktar frekwenti u xi ftit aktar voċiferi, anke jekk xi kultant sottili. Coleiro Preca kienet voċifera l-aktar dwar il-faqar, l-immigrazzjoni u anke l-kirjiet; tliet kwistjonijiet ewlenin li kienu diskussi fil-pajjiż matul l-2018.
L-Istrina ta’ din is-sena reġgħet kienet suċċess kbir b’rekord qawwi ta’ €7 miljun miġbura. Kienet ġurnata illi fiha Coleiro Preca ‘xegħlet’. Apparti l-ammont kbir ħafna miġbur għall-Malta Community Chest Fund, il-maratona kienet mimlija referenzi għall-bżonn li nagħtu ‘rigal’ lil Coleiro Preca fl-aħħar Strina tagħha. L-intervent ta’ Edgar Preca qrib nofsilejl kien pjuttost indikattiv, hekk kif dan baqa’ jgħid li l-poplu Malti u l-familja tagħha jinsabu warajha.
Kontroversja: Imma s-sena ma kinitx ward u żahar biss. Il-President spiċċat fiċ-ċentru ta’ kritika qawwija fuq il-firma tagħha tal-liġi tal-IVF minkejja li kien pjuttost ċar minn dak li qalet hi stess dakinhar li ffirmat il-liġi illi hi ma kinitx taqbel magħha. Din il-gazzetta stess ikkritikat din id-deċiżjoni, kif ma qabilx anqas il-President Emeritus Ugo Mifsud Bonnici li sostna illi kieku kien minflokha jippreferi jirreżenja minflok jiffirma.
Din is-sena wkoll, il-President spiċċat f’nofs kontroversja hekk kif kompla jinstema’ l-każ kontra l-miljunarju Paul Bailey u l-avveniment ‘Paqpaqli għall-Istrina’ tal-2015 illi matulu karozza li kien qed isuq Bailey daħlet fl-udjenza u diversi persuni weġġgħu, uħud gravi.
Fi Frar ta’ din is-sena Coleiro Preca telgħet tixhed fil-każ. F’mument minnhom staqsiet; ‘qed tissuġġerixxu li jien responsabbli?’ qabel imbagħad kompliet tinsisti illi hi ma kellha ebda responsabbilità fl-organizzazzjoni ta’ Paqpaqli għall-Istrina.
Ġimgħa wara, il-President Emeritus George Abela xehed fl-istess każ u tefa’ xi ftit ta’ bomba fuq Coleiro Preca hekk kif qal illi fl-aħħar mill-aħħar ir-responsabilità ta’ Paqpaqli għall-Istrina kienet taqa’ fuqu bħala President. Naturalment dan tefa’ xi ftit ta’ dawl ikrah fuq Coleiro Preca hekk kif kien hemm min akkużaha li qed taħrab mir-responsabbilitajiet tagħha.
B’hekk is-sena għal Coleiro Preca kellha żewġ skossi u kienet fil-mira ta’ kritika. Minkejja dan iżda l-popolarità tagħha u l-prinċipji xellugin tagħha favur il-batut baqgħet iżżommha ’l fuq fil-klassifika tal-ILLUM.
Agħfas hawn biex tara min: