L-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal wera t-tħassib tiegħu għas-sitwazzjoni ta’ dawk li jinsabu abbord iż-żewġ bastimenti ta’ salvataġġ li ilhom aktar minn ħmistax fuq il-baħar jistennew li jingħataw port.
Fost il-persuni abbord hemm numru ta’ nisa u tfal, inkluż persuni minuri li vvjaġġaw waħedhom.
Fi stqarrija, l-Uffiċċju għall-Kummissarju tat-Tfal saħaq li “d-dritt fundamentali ta’ dawn il-bnedmin, l-iktar tat-tfal u minuri li qed jivvjaġġaw weħidhom, jiżboq kull ostaklu fl-innegozjar diplomatiku li qed iżomm lil dawk abbord milli jinżlu l-art b’mod sigur.”
L-Uffiċċju qal li qed jingħaqad mal-Papa u l-entitajiet l-oħra fl-appell tagħhom lill-mexxejja politiċi, kemm dawk nazzjonali kif ukoll Ewropej, sabiex ikunu solidari u jikkooperaw fuq livell umanitarju biex il-ħajja ta’ dawn in-nies tiġi mħarsa.
Il-Kummissarjat faħħar lill-Gvern Malti talli ħalla ż-żewġ bastimenti jersqu għall-kenn fl-ibħra Maltin, qed jappella lill-gvernijiet biex iħallu l-vuċi tar-raġuni tirbaħ fuq kull argument.
Aqra wkoll: