Il-Prim Ministru Taljan Giuseppe Conte qal li l-Italja lesta tilqa’ 15-il immigrant jekk Malta taċċetta li tniżżel għandha d-49 immigrant li ilhom jiem sħaħ bejn sema u ilma jistennew li jingħataw port.
Huwa qal dan f’kummenti lill-midja, anke jekk il-pożizzjoni tiegħu tikkuntrasta ma’ dik tad-Deputat Prim Ministru Matteo Salvini li ddikjara li mhux se jiċċaqlaq millimetru u mhux se jkun kompliċi fi traffikar uman.
Skont il-Corriere della Sera, Conte saħaq li l-Italja lesta tieħu mhux biss lin-nisa u lit-tfal iżda anke lil żwieġhom biex il-familji jibqgħu magħquda.
“Lesti nagħtu sinjal lill-Ewropa iżda wara li kulħadd jirrispetta r-regoli,” saħaq Conte. Huwa spjega li għadhom għaddejja t-trattativi ma’ pajjiżi oħra iżda deher ottimist li jista’ jintlaħaq kompromess.
Biex ikompli ma’ dak li qal Salvini, Conte qal li l-portijiet Taljani jibqgħu magħluqa iżda qal li kompromess jista' jintlaħaq immedjatament wara li Malta tniżżel l-immigranti.
Ilbieraħ, il-Prim Ministru Joseph Muscat, insista li mhux se jippermetti li Malta tispiċċa ċ-ċentru fil-Mediterran tal-immigranti li jkunu salvati mill-NGOs umanitarji u li l-ebda pajjiż ieħor ma jkun iridhom.
Aqra wkoll: