Ilejla Adrian Delia intlaqa' fid-Dar Ċentrali minn għexieren ta' partitarji entużjasti lkoll jgħajjtu 'Delia, Delia' u jagħtu l-appoġġ tagħhom lill-Kap tal-PN, bħalissa fl-għajn ta' ħafna kritika.
Il-laqgħa li għaliha ssejħu l-attivisti u l-kumitati sezzjonali qed issir hekk kif il-Partit Nazzjonslista għaddej minn waħda mill-eqqel kriżijiet politiċi b'numru ta' Deputati saħansitra jirribellaw kontra Delia fil-pubbliku. Dalgħodu dan is-sit irrapporta kif Beppe Fenech Adami u Jason Azzopardi huma fost id-Deputati li qegħdin iduru lid-Deputati l-oħrajn u jissuġerixxu li Delia għandu jitneħħa minn Kap tal-Oppożizzjoni.
F'indirizz lil dawk preżenti Delia sostna illi taħtu bħala kap il-partit se jmur lura għall-għeruq tiegħu u allura, skontu, qrib in-nies. Għaċ-ċapċip kontinwu ta' dawk preżenti Delia sostna illi daħal fl-agħar żmien tal-PN u mhux fiż-żmien tal-glorja, "u min ħaseb li spiċċa (il-PN) llum tajnieh risposta."
Il-Kap tal-PN qal illi jekk imqar kull persuna tikkonvinċi oħra dwar il-PN, il-partit jerġa jikseb "il-forma oriġinali tiegħu."