"Il-messaġġ tal-Partit Nazzjonalista, Soċjetà li Jimpurtaha jfisser li għandna nħarsu l-interess nazzjonali, s-sovranità u l-interessi ekonomiċi iżda wkoll nirrikonoxxu li qegħdin isiru wkoll villaġġ globali.", hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta ltaqa' mal-ambaxxaturi u l-korp diplomatiku li skambju tal-awguri għas-sena l-ġdida.
Delia qal li qed ngħixu f'dinja li qed tinbidel b'pass mgħaġġel u x-xenarju politiku dinji jinbidel f'temp qasir ħafna. Huwa qal li matul din is-sena, għandna quddiemna realtajiet ġodda bħalma hija l-Brexit, li se ġġib magħha sfidi iżda wkoll opportunitajiet ġodda. Brexit se ġġib magħha wkoll inċertezzi u mistoqsjiet fuq il-mod kif il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea se tkun qed taffettwa mhux biss l-Ewropa iżda wkoll il-kumplament tad-dinja. Dan apparti l-isfidi tal-instabbilità fl-Afrika u fil-Lvant Nofsani.
Adrian Delia qal li Malta pajjiż żgħir li għandha wkoll vantaġġ strateġiku li sservi ta' medjatur u allura ġġorr wkoll responsabbilità li hija akbar mill-kobor tagħna bħala pajjiż. Huwa qal li l-immigrazzjoni huwa fenomenu li rridu nifhmu aktar, hekk kif aktar persuni qegħdin jimxu minn pajjiż għall-ieħor minħabba diversi ċirkostanzi fosthom tibdil fil-klima, l-gwerer, il-faqar jew kriżijiet ekonomiċi u għalhekk id-dinja trid tinbidel għal dawn ir-realtajiet ġodda.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li bħala politiċi għandna d-dmir li nifhmu dawn iċ-ċirkostanzi u r-realtajiet ġodda li qed jaffetwaw lin-nies. Adrian Delia qal li għandna mhux biss inħarsu l-interessi nazzjonali iżda wkoll inħarsu l-ħajja umana b'rispett lejn il-liġijiet internazzjonali.