‘Karreġġjati għaċ-ċiklisti f’toroq arterjali għandhom ikunu dejjem issegregati’
Il-gazzetta ILLUM titkellem ma’ Matt Farrugia, wieħed mill-attivisti taċ-ċikliżmu f’Malta li jispjega kif il-karreġġjati għaċ-ċiklisti jistgħu jkunu aktar siguri u aktar aċċessibbli
minn Yendrick Cioffi
“Ma nistgħux nikkuntentaw għax nagħmlu ftit żebgħa għar-roti f’xi triq ġdida.” Hekk qal mal-gazzetta ILLUM Matt Farrugia wieħed mill-attivisti tal-Bicycle Advocacy Group (BAG), grupp li jaħdem qatigħ biex iżid il-kuxjenza dwar l-importanza taċ-ċikliżmu bħala mezz alternattiv ta’ trasport.
Fil-kummenti tiegħu mal-gazzetta ILLUM, Farrugia insista li filwaqt li hija xi ħaġa pożittiva li fi triq ġdida jew inkella li fiha jkunu qegħdin isiru xogħlijiet, jinstab spazju għall-karreġġjata taċ-ċiklisti, wieħed jeħtieġ jagħmel diversi mistoqsijiet biex ikun żgurat li l-karreġġjata tkun waħda effettiva u li tħajjar liċ-ċiklist jużaha.
“Hija segregata? Tista’ tinstaq fiż-żewġ direzzjonijiet? Jekk ma tistax tintuża fiż-żewġ direzzjonijiet, iċ-ċiklist li jrid jerġa’ jgħaddi mill-istess triq kif se jużaha? Kemm hi wiesgħa din il-karreġġjata? Hija aċċessibbli biżżejjed?” staqsa Farrugia.
Ħarisna lejn dawn il-mistoqsijiet waħda waħda u staqsejna lil Farrugia xi jrid ifisser meta jgħid li huwa importanti li karreġġjata tkun segregata.
‘Aktar ma żżid il-veloċità, aktar trid issir is-segregazzjoni’
B’segregata, il-Bicycle Advocacy Group qiegħed ifisser karreġġjata li b’xi mod jew ieħor tkun maqtugħa b’tali mod mill-bqija tat-triq biex jonqos il-periklu li l-karozzi li jkunu għaddejjin, jirfsu jew jgħaddu minn fuq din il-karreġġjata.
Filwaqt li saħaq li mhux possibbli li kull karreġġjata għaċ-ċiklisti tkun segregata, għax wieħed irid jikkunsidra l-wisgħa tat-triq, insista li fi kwalunkwe triq li fiha l-karozzi jistgħu jinstaqu b’50 kilometru jew aktar, il-karreġġjata għaċ-ċiklisti għandha dejjem tkun segregata u dan anke kont standards li jintużaw f’pajjiżi Ewropej.
“Jekk irridu aktar nies jużaw ir-roti, f’toroq arterjali li fihom il-karozzi jinstaqu b’50 kilometru jew aktar, il-karreġġjata għaċ-ċiklisti għandha tkun segregata,” insista Farrugia.
Waqt li insista li l-ideal ikun li kull karreġġjata tkun segregata, saħaq li fejn il-karozzi jinstaqu b’aktar minn 30 kilometru fis-siegħa iżda inqas minn 50 kilometru fis-siegħa, wieħed għandu jistudja bir-reqqa l-esiġenzi tal-post.
“Hemm ħafna affarijiet li trid tikkunsidra fosthom il-wisgħa tat-triq,” kompla jgħid iċ-ċiklist. “Irridu nistaqsu lil min se nagħtu prijorità fit-triq,” kompla jappella waqt li spjega li jekk verament irridu nagħmlu t-toroq siguri għaċ-ċiklisti, fejn is-segregazzjoni mhux possibbli, l-awtoritajiet jistgħu dejjem jerġgħu jikkonsidraw il-veloċità permessibbli għat-triq, anke f’ċentru urban.
“Li hu żgur huwa li aktar ma żżid il-veloċità, aktar trid issir is-segregazzjoni,” qalilna ċ-ċiklist.
‘Fejn possibbli karreġġjata għandha tkun bi-direzzjonali’
Apparti minn hekk, tkellimna wkoll fuq il-karreġġjati għaċ-ċiklisti bi-direzzjonali, jiġifieri karreġġjati li jistgħu jintużaw fiż-żewġ direzzjonijiet, bħal dik li qed issir fit-Triq taċ-Ċawsli.
Mal-ILLUM, Farrugia qal li huwa importanti li almenu fejn possibbli, fi triq partikolari, iċ-ċiklisti jkollhom karreġġjati li jkunu jistgħu jwassluhom fiż-żewġ direzzjonijiet. Fost dawn, karreġġjata, dejjem skont il-wisgħa tat-triq, tista’ tkun bi-direzzjonali.
Hawnhekk tidħol ukoll is-segregazzjoni. Triq bi-direzzjonali li tkun segregata, se toffri mhux biss aktar kumdità għaċ-ċiklist, iżda anke aktar sigurtà.
“Ejja nieħdu bħala eżempju l-Bypass tal-Mellieħa. Il-karreġġjata mhijiex segregata iżda mmarkata biss biż-żebgħa. Il-wisgħa tagħha jinbidel u minħabba xogħlijiet tieqaf f’salt u terġa’ tkompli. Minnha tista’ tgħaddi biss f’direzzjoni waħda,” spjegalna Farrugia. “Kellna nitgħallmu u ma tgħallimna xejn.”
‘Ma jagħmilx sens li karreġġjata tieqaf f’salt fi triq traffikuża’
Kien hawn li saħaq li ma jagħmilx sens, kif hemm fi Triq il-Kosta, li jkollok karreġġjata li tieqaf f’salt fi triq trakkuża, biċ-ċiklist irid jara kif se jagħmel biex jidħol f’karreġġjata mal-bqija tal-karozzi fi triq traffikuża.
Kien għalhekk li appella għal pjan ħolistiku biex ikun assigurat li l-karreġġjati għaċ-ċiklisti jwasslu liċ-ċiklist fid-direzzjoni tiegħu.
Hawn Farrugia, ma kienx qiegħed ifisser li għandu jkun hawn karreġġjata għaċ-ċiklisti f’kull triq li teżisti, anke għax fi kliemu dan huwa impossibbli. Madanakollu appella biex il-karreġġjati għaċ-ċiklisti jsiru b’tali mod li ċ-ċiklist ikun jista’ jaċċessaha faċilment u meta tispiċċa jkun jista’ jkompli l-vjaġġ tiegħu mingħajr periklu.
Dan ix-xahar tagħlaq il-konsultazzjoni dwar l-Istrateġija għaċ-Ċikliżmu
Intant, f’Novembru li għadda, il-Gvern nieda Strateġija u Pjan Nazzjonali għaċ-Ċikliżmu, li l-konsultazzjoni dwarha tagħlaq fl-aħħar ta’ dan ix-xahar.
L-għan ta’ din l-Istrateġija huwa li tippromovi ċ-ċikliżmu bħala mezz ta’ trasport alternattiv billi, fost oħrajn, tagħmilha aktar faċli għan-nies li jużaw iċ-ċikliżmu bla mezz ta’ vjaġġar, biex toffri aktar sigurtà għall-persuni li diġà jużaw ir-rota u biex tħajjar aktar persuni jużaw ir-rota bħala mezz alternattiv ta’ trasport.
B’ġebla waħda tkun qed tolqot żewġ għasafar, għax iż-żieda fin-numru ta’ nies li jużaw ir-rota se tfisser stili ta’ ħajja aktar b’saħħithom, titjib tal-kwalità tal-ħajja fiċ-ċentri urbani, tnaqqis fil-konġestjoni tat-traffiku, ambjent aktar nadif, u vantaġġi oħra.
X’qed tipproponi l-istrateġija?
Fost dawn, din l-istrateġija qed tipproponi l-implimentazzjoni ta’ proġett pilota li se jkun qed jara total ta’ 26 kilometru ta’ “kurituri għaċ-ċiklisti” jew “rotot adattati” aktar għaċ-ċiklisti milli għas-sewwieqa.
Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet li matulha kienet tnediet il-Konsultazzjoni Pubblika dwar din l-istrateġija, id-Direttur tal-Mobilità Sostenibbli fi Transport Malta, Peter Paul Barbara, kien spjega kif ir-rotot adattati għaċ-ċiklisti se jkunu l-aktar it-toroq sekondarji u urbani.
Permezz ta’ dawn ir-rotot, wieħed se jkun jista’ jivvjaġġa bejn il-Belt Valletta u San Ġiljan u bejn il-Mosta u Mater Dei u l-Università bir-rota billi jagħmel użu minn dawn ir-rotot.
Fost proposti oħra, l-istrateġija tipproponi wkoll reviżjoni tal-limiti tal-veloċità anke fiċ-ċentri urbani, hekk kif sa issa l-infurzar huwa ffukat fuq l-arterji prinċipali.
Tipproponi wkoll l-iżvilupp ta’ app li tindika rotot siguri li ċ-ċiklisti jkunu jistgħu jużaw biex jaslu f’destinazzjonijiet partikolari.
L-istrateġija titratta wkoll l-infrastruttura u tisħaq li biex iċ-ċikliżmu jkun promoss aktar bħala mezz alternattiv ta’ trasport, jeħtieġ li wieħed jikkunsidra mill-ġdid il-mod kif ikunu ddisinjati u mibnija t-toroq.
“Ġeneralment iċ-ċiklisti mhux qed jingħataw l-attenzjoni neċessarja,” tammetti l-istrateġija.
Għalhekk tisħaq li l-ispazju fit-toroq għandu jibda jkun meqjus bħala “spazju pubbliku li jeħtieġ ikun maqsum, sigur u effiċjenti għal dawk kollha li jużawhom.”
Proposti oħra ta’ din l-istrateġija jinkludu:
- Aktar taħriġ u edukazzjoni għall-periti u d-disinjaturi tekniċi (draught persons) biex jiddisinjaw aħjar żoni li jippromovu ċ-ċikliżmu,
- Korsijiet wara l-ħin tax-xogħol imħallsa mill-Gvern għat-taħriġ taċ-ċiklisti,
- Aktar skemi ta’ E-bike sharing; u
- Installazzjonijiet għall-parkeġġ tar-roti madwar Malta kollha.