Il-Prim Ministru Ingliż Theresa May se tkun qed tiffaċċja vot ta’ sfiduċja fil-Gvern wara t-telfa kbira li l-Gvern Ingliż ġarrab ilbieraħ fil-vot dwar il-ftehim għal Brexit.
Kien il-Kap tal-Oppożizzjoni Ingliż, Jeremy Corbyn li ressaq il-mozzjoni ta’ sfiduċja fil-Gvern anke jekk ftit qabel, Theresa May, ħeġġitu biex jagħmel dan għax tinsab ċerta li l-Gvern għandu l-appoġġ tal-maġġoranza tal-Parlament Ingliż.
Ix-xewqa ta’ Corbyn hija li ssir elezzjoni ġenerali wara li lbieraħ aktar minn nofs il-Parlament Ingliż ivvota kontra l-ftehim li nnegozjat Theresa May, bil-vot jitniżżel fl-istorja bħala l-akbar telfa li qatt ġarrab il-Gvern Ingliż fil-Parlament.
Id-dibattitu dwar din il-mozzjoni mistenni jibda llum waranofsinhar bil-vot jittieħed aktar tard illejla.
May wiegħdet lill-Parlament Ingliż li jekk tingħata l-fiduċja, il-ġimgħa d-dieħla se tirritorna fil-Parlament bi pjan ġdid għal Brexit waqt li wegħdet li lesta tiltaqa’ mal-partiti kollha.
Il-Prim Ministru Ingliż kienet ilha għal dawn l-aħħar sentejn tinnegozja dan il-ftehim hekk kif ir-Renju Unit jitlaq uffiċjalment mill-Unjoni Ewropea fid-29 ta’ Marzu li ġej.