Malta b'fost l-akbar rati ta' tkabbir ekonomiku fl-UE - IMF

Il-Fond Monetarju Internazzjonali b'ċertifikat pożittiv lil pajjiżna għalkemm jgħid li t-tkabbir ekonomiku qed joħloq pressjoni fuq l-infrastruttura u x-xogħol

Fl-analiżi annwali dwar l-ekonomija ta’ pajjiżna, il-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF) jsostni li l-ekonomija Maltija tibqa'' tesperjenza fost l-akbar rati ta' tkabbir fl-Unjoni Ewropea li qed tirriżulta fi tkabbir qawwi fid-dħul li qed jilħaq il-medja Ewropea."

Skont l-esperti tal-IMF, dan ir-riżultat huwa dovut għal miżuri mwettqa mill-Gvern, deskritti bħala parti minn 'politika prudenti u riformi'.  “

Filwaqt li rrimarkaw li s-sitwazzjoni internazzjonali qed issir aktar waħda ta’ sfidi, it-tkabbir f’pajjiżna mistenni jibqa’ sostnut bis-saħħa ta’ " dħul dejjem jiżdied, qgħad baxx u proġetti."

Fi stqarrija l-Gvern sostna illi l-IMF qed jaqbel mal-politika ekonomika tal-Gvern u li bil-maqlub tal-kritika mill-Oppożizzjoni, "l-IMF kellu kliem ta’ tifħir għal kif il-Gvern qed imexxi l-politika fiskali."

L-esperti internazzjonali jaqblu wkoll mal-bżonn li jikber l-investiment fl-infrastruttura u faħħru miżuri li ttieħdu biex titnaqqas l-evażjoni fiskali kif ukoll inċentivi favur min ikompli jaħdem u min ifaddal f’pensjonijiet privati.

Fl-istess ħin, l-esperti tal-IMF sostnew li l-iskemi li beħsiebu jwettaq il-Bank Malti tal-Iżvilupp, mistennija jwasslu għal aktar investiment u innovazzjoni. Il-Gvern fakkar illi dan il-Bank twaqqaf minnu.

L-IMF innota li t-tkabbir qed joħloq sfidi ġodda, fosthom pressjoni fuq l-infrastruttura u pressjoni fis-suq tax-xogħol.

"Madanakollu huwa ċar li l-Gvern miexi fid-direzzjoni t-tajba, tant li l-esperti tal-IMF qed ibassru tkabbir ta’ aktar minn 5% għal din is-sena, filwaqt li d-dejn nazzjonali mistenni jaqa’ għal taħt l-40% tal-ġid nazzjonali sal-2021." 

 

More in Politika