3,000 tender għal proġetti ffinanzjati mill-UE għal total ta' €242 miljun
Fi kliem is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Fondi Ewropej Aaron Farrugia, dan ifisser li mhux talli l-Fondi li kisbet Malta ġew investiti kollha f’pajjiżna u ma ntbgħatu ebda flus lura Brussell
minn Albert Gauci Cunningham
Is-sit illum.com.mt jista’ jiżvela li inħarġu kważi 3,000 tender mill-Gvern għal xogħolijiet relatati ma’ proġetti ffinanzjati minn fondi Ewropej li jaqgħu taħt il-programm ta’ Fondi 2014-2020. Proġetti li jvarjaw minn dawk infrastrutturali fit-toroq, fil-marittimu, fl-ilma, proġetti kulturali ta’ restawr, proġetti għat-tisħiħ tas-sigurta’ f’pajjiżna proġetti biex itejbu l-livell ta’ għixien ta’ gruppi differenti fis-soċjeta’, proġetti fit-tisħiħ fil-ħiliet.
Fi kliem is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Fondi Ewropej Aaron Farrugia, dan ifisser li mhux talli l-Fondi li kisbet Malta ġew investiti kollha f’pajjiżna u ma ntbgħatu ebda flus lura Brussell, dawn il-fondi intużaw sabiex jiġi ġġenerat ammont kbir ta’ xogħol u tiżdied l-attivita’ ekonomika f’pajjiżna.
Hu żied jgħid illi l-Fondi Ewropej intefqu bl-iktar mod effiċjenti possibbli, hekk kif Malta investiet total ta’ madwar €242 miljun. B’dan l-ammont Malta laħqet 100% tal-miri finanzjarji. “L-immaniġjar għaqli tal-fondi Ewropej illum huwa parti mis-suċċess ekonomiku li qed jikseb pajjiżna,” qal is-Segretarju Parlamentari.
Hekk kif wieħed mis-suċċessi ekonomiċi ta’ pajjiżna qed iwassal sabiex Malta għandha t-tieni l-inqas rata fl-Ewropa ta’ nies bla xogħol il-dan is-sit staqsa lis-Segretarju Parlamentari Farrugia jispjegalna jekk il-Fondi Ewropej humiex parti mill-istimulu li qed jgħin sabiex Malta fl-aħħar ta’ Novembru 2018 kompliet tara tnaqqis ta’ 19.5% fin-numru ta’ nies li qed jirreġistraw għax-xogħol meta kkumparat mal-istess xahar fis-sena 2017.
Farrugia qalilna li wieħed mill-pilastri tal-Fondi Ewropej huwa l-Fond Soċjali Ewropew li bih qegħdin inħarrġu l-workforce kurrenti ta’ pajjiżna filwaqt li ninvestu fil-ħiliet tal-ġenerazzjoni li tielgħa sabiex dawn ikunu mgħammra bil-ħiliet meħtieġa sabiex jirnexxu fid-dinja tax-xogħol.
Hawn huma semma li l-iskemi immexxija mill-Aġenzija Jobs Plus sabiex inħarrġu l-workforce kurrenti u insaħħu l-ħiliet ta’ dawk inattivi fid-dinja tax-xogħol sabiex jerġħu jidħlu lura fil-labour market, inkluż dawk li huma meqjusa l-iżjed vulnerabbli bħalissa jwassal għal €35 miljun.
a) The Work Programme Initiative: €2.1 miljun sabiex jintlaħqu 3,300 persuna li ilhom inattivi għal żmien twil fid-dinja tax-xogħol u jiġu mħeġġa jidħlu lura;
b) Access to Employment: €5 miljuni sabiex min iħaddem jipprovdi reklutaġġ lil dawk li huma meqjuża l-iżjed vulnerabbli jew l-iżjed li għandhom sfidi biex isibu xogħol. Din hi immirata li tilħaq lill- 900 persuna;
c) Investing in Skills: Bi skema ta’ €8 miljun il-businesses issa għandhom l-opportunita’ li jħarrġu l-ħaddiema tagħhom f’oqmsa li huma meħtieġa mill-kumpanija sabiex ikomplu jkattru l-produttivita’ tan-negozju tagħhom. Din hi immirata li tilħaq 1,500 ħaddiem.
d) Training for employment: €10 miljuni sabiex jiġu msaħħa l-ħiliet ta’ persuni li jixtiequ jkomplu javvanzaw fid-dinja tax-xogħol jew jeħtieġu ħiliet alternattivi biex ikomplu jimxu ‘l quddiem jew jidħlu lura f’impjieg;
e) VASTE (Vocational Multi-Disciplinary Assessment Centre). Proġett ta’ €11-il miljun immirat lejn 2,500 persuna vulnerabbli li jeħtieġu taħriġ u tisħiħ tal-ħiliet biex jidħlu fid-dinja tax-xogħol u għajnuna mingħand professjonisti bħal job coaches u HR personnel;
d) Nuturing learning journeys at the MCAST Foundation College. €9 miljun sabiex jintlaħqu 3,700 individwu li jattendu l-MCAST Foundation College u studenti tal-Form 4 u 5 li jkunu qegħdin f’riskju li jispiċċaw school drop-outs. Hawn qed isiru studju sabiex jaraw x’inhuma dawk il-fatturi li qed iwasslu l-istudenti ma jkomplux jistudjaw, outreaches fi skejjel tal-Form4 u 5 fejn studenti li jkunu se jieqfu bl-istudju tagħhom jiġu mħeġġa jidħlu l-MCAST Foundation College
e) STAR Kids - €500,000 biex jintlaħqu 850 tifel u tifla li qegħdin f’riskju ta’ esklużjoni soċjali. Dawn it-tfal qegħdin jingħataw ħiliet il-qasam tal-ICT u t-teknoloġija;